Lokali

Tliet żgħażagħ jivvandalizzaw ‘stage’ u joffendu passiġġieri abbord tal-linja, ix-xufier ma jagħtix każ

Il-Pulizija qed tfittex tliet żgħażagħ li lbieraħ waranofsinhar allegatament wettqu vandaliżmu fuq stage tal-linja fil-Gżira qabel ma bdew joffendu lin-nies abbord il-karozza tal-linja li telgħu fuqha fid-direzzjoni ta’ Tas-Sliema.

Persuna li tkellmet ma’ MaltaRightNow.com qalet li dawk preżenti raw lit-tliet żgħażagħ, li wieħed minnhom jidher li hu taħt l-età, jagħmlu atti vandali fuq l-istage li hemm qrib l-iStadium l-Antik. Imbagħad, iż-żgħażagħ telgħu abbord il-karozza tal-linja, fejn bdew joffendu lil uħud minn dawk preżenti.

Il-persuna li tkellmet magħna qalet li ħafna minn dawk fuq tal-linja bdew jippruvaw jinjoraw liż-żgħażagħ, qabel ma’ dawn bdew joffendu u jitfgħu l-karti lil dawk preżenti, kif ukoll jidgħu. Wieħed miż-żgħażagħ allegatament ta wkoll daqqiet ta’ sieq lil waħda mill-passiġġieri.

Il-persuna qaltilna li meta raw hekk, numru mill-passiġġieri talbu lix-xufier biex iċempel lill-Pulizija. Madankollu, ix-xufier kompla għaddej fi triqtu u saħansitra allegatament beda jiżżuvjetta bil-passiġġieri stess.

Minn informazzjoni li għandu MaltaRightNow.com jirriżulta li l-Pulizija ġiet infurmata bil-każ u qed tkompli bl-investigazzjonijiet tagħha, fost oħrajn bi tfittxija għaż-żgħażagħ.

(Ritratt: mill-Arkivji)