Ekonomija

Tonqos l-inċertezza fis-swieq finanzjarji waqt li noqorbu lejn ftehim dwar il-Greċja u l-Ukraina

Fl-aħħar xhur kien hemm tensjoni kbira dwar x’jista’ jiġri fis-swieq finanzjarji internazzjonali, hekk kif il-problemi fil-Greċja u l-Ukrajna komplew jikbru. Il-Gvern Grieg għadu qed jipprova jikkonvinċi lill-pajjiżi Ewropej, li magħhom għandu d-dejn, biex isir xi forma ta’ ftehim ġdid. Fil-bidu dan ma kienx jidher possibbli. Madankollu, issa jidher li hemm xaqq ta’ dawl u li forsi tista’ tinstab xi tip ta’ soluzzjoni. Id-dejn tal-Greċja hu wieħed enormi, iżda jekk il-Greċja titlaq miż-Żona Ewro, jista’ jwassal għal problemi f’pajjiżi Ewropej oħrajn. Kien hemm ukoll xnigħat li l-Greċja tista’ titlob għajnuna lir-Russja, li min-naħa tagħha qalet li lesta tgħin lil Griegi.

Sadanittant, aktar laqgħat bejn il-Ġermanja, Franza, ir-Russja u l-Ukrajna saru fil-Belarus. Hu ppjanat li jieqaf il-ġlied. Din it-tensjoni wasslet biex diversi investituri kienu xettiċi dwar ċerti investimenti. L-indiċi Ġermaniż, magħruf bħala DAX, kompla jissaħħaħ. Mill-bidu tas-sena, l-ishma tal-akbar kumpaniji Ġermaniżi żdiedu b’aktar minn 10% fil-valur. L-indiċi Ingliż, FTSE 100 u li jkopri l-akbar 100 kumpanija Ingliża, din is-sena żdied b’madwar 6% fil-valur.

Is-suq tal-bonds baqa’ wieħed b’saħħtu, filwaqt li l-interessi offruti għadhom baxxi meta mqabbel ma’ dak li kien offrut fis-snin li għaddew. Kumpaniji li fl-aħħar jiem raw żidiet sostanzjali fil-valur tal-ishma tagħhom kienu Deutsche Post, Deutsche Bank, Barclays, Coca-Cola, Renault u Credit-Agricole.

Iż-żejt u t-telf ta’ impjiegi
Hu maħsub li fl-aħħar xhur intilfu madwar 100,000 impjieg fl-industrija taż-żejt. Il-prezz taż-żejt għadu f’livelli ferm baxxi u dan qed ikompli jwassal biex diversi rigs taż-żejt jagħlqu l-bibien. Dan xorta mhux qed iwassal għal nuqqas ta’ produzzjoni għax produtturi oħrajn komplew jipproduċu b’saħħa. Jidher li l-ammont ta’ żejt maħżun għadu f’livelli rekord.

King Digital tissaħħaħ
Il-kumpanija King Digital, li toffri diversi logħob diġitali li kienu ta’ suċċess kbir fl-aħħar snin bħal Candy Crush, kompliet turi titjib fil-profitti. Fl-aħħar tliet xhur tal-2014, King kellha dħul ta’ $586 miljun. Dan wassal biex fl-aħħar jiem l-ishma raw żieda ta’ 18% fil-valur tagħhom. Il-kumpanija Zynga, li għandha l-logħba Farmville, rat nuqqas ta’ dħul, bl-ishma jitilfu 10% fil-valur tagħhom.

Dan l-artiklu hu miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd | www.mpmci.net | tel 21493250
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma pprovduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.