Lokali

Att vandalu fil-Qawra

Raġel fis-sakra twaqqaf mill-Pulizija waqt li kien għadu kemm ivvandalizza vettura tat-tip Toyota, fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu.

L-inċident seħħ fi Triq Alofju Wignacourt f’San Pawl il-Baħar u l-Pulizija ġiet infurmata permezz ta’ telefonata anonima, li ddeskriviet raġel liebes ħwejjeġ skuri, li qed ikisser vettura bajda viċin stabbiliment tal-laħam.

Il-Pulizija, bl-għajnuna minn membri tal-RIU, marru fuq il-post fejn sabu lil dan ir-raġel. Eżatt kif lemaħhom, hu prova jersaq il-bogħod mill-Pulizija u mexa lejn iz-zuntier tal-Knisja, li qegħdha biss ftit passi ‘l bogħod.

Il-Pulizija staqsietu x’qed jagħmel hemmhekk, u għalkemm jidher li kellu riħa ta’ alkoħol u jdejh maħmuġin, hu qalilhom li ma jinsabx irrabjat.

Intant, waqt spezzjoni li għamlu tal-vettura, sorsi mill-Korp tal-Pulizija ikkonfermaw li l-vettura kellha diversi daqqiet fis-saqaf tagħha.

Ir-raġel ittieħed l-għassa tal-Pulizija fil-Qawra, u qed jinżamm għal aktar investigazzjoni.