Lokali Parlament

Chief of Staff jingħata kariga fl-MTA b’ħatra diretta tal-Ministru

Dak li kien Chief of Staff tal-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis, ingħata impjieg b’ħatra diretta tal-istess Ministru Zammit Lewis mingħajr sejħa pubblika fi ħdan l-Awtorità Maltija dwar it-Turiżmu (MTA).

Dan ikkonfermah il-Ministru stess fil-Parlament, u qal li hu jemmen f’din il-ħatra bħala Head of Events tal-MTA, u enfasizza wkoll li ma jara xejn ħażin li l-eks-Chief of Staff tiegħu jingħata l-kariga b’ħatra diretta minnu mingħajr ma ħarġet sejħa pubblika.

Il-Ministru Zammit Lewis kien qed jirrispondi diversi mistoqsijiet li għamel dinil-ġimgħa fil-Parlament id-Deputat Nazzjonalista Antoine Borg, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-Turiżmu, bil-Ministru Zammit Lewis jikkonferma wkoll li din hi kariga li ngħatat fuq il-mertu ta’ position of trust.

Rapporti fil-media qalu dan l-aħħar li din il-kariga ngħatat b’salarju li jlaħħaq l-ammont ta’ €50,000 fis-sena.

Għal aktar mistoqsijiet, kemm minn Antoine Borg stess, kif ukoll mid-Deputat Nazzjonalista Robert Arrigo, il-Ministru għat-Turiżmu tkellem dwar nuqqasijiet li jeżistu fl-istrutturi eżistenti tal-MTA u fl-Air Malta biex jilqgħu għan-nuqqasijiet fl-industrija tat-turiżmu, u qal li mhux sodisfatt b’ċerti strutturi u kif s’issa kien qed jiġi mmaniġġjat is-settur tal-konferenzi.

Il-Ministru Zammit Lewis ammetta wkoll li kawża ta’ nuqqas ta’ struttura b’saħħitha fl-Air Malta, Malta tilfet xogħol importanti f’dan is-settur li ntrebaħ minn kompetituri tagħna għaliex kienu aktar effiċjenti.

Għal mistoqsija tad-Deputat Robert Arrigo li talab lill-Ministru jispjega n-nuqqasijiet li hemm fl-Air Malta f’dawk li huma komunikazzjoni u relazzjonijiet mas-settur tal-operaturi u aġenti, u f’dawk li huma r-rati għoljin għall-gruppi li titlob l-Air Malta, kif ukoll għall-mistoqsijiet tad-Deputat Antoine Borg biex il-Ministru jikkonferma jekk il-Gvern iħossx in-nuqqasijiet li qed tara l-Oppożizzjoni li titkellem u żżomm kuntatt mill-qrib mas-settur, il-Ministru Zammit Lewis qal li hu wkoll mhux sodisfatt.

Fisser li l-Air Malta qed tindirizza dawn in-nuqqasijiet li qal li wasslu wkoll għal telf ta’ xogħol lejn Malta għas-settur tal-konferenzi u l-gruppi. Semma kif inħatret persuna li l-MTA kellha bħala l-uffiċjal tagħha fi Frankfurt, Joe Galea, li ngħata l-inkarigu biex janalizza u jindirizza dawn in-nuqqasijiet u l-ineffiċjenza biex l-Air Malta wkoll tkun kompetittiva f’din in-niċċa importanti tas-settur turistiku. Semma li kien hemm każi wkoll meta l-Air Malta ħadet ġimgħat biex tirrispondi għal talbiet ta’ operaturi.

Mistoqsi mid-Deputat Antoine Borg jekk il-kariga li ħalla vojta Joe Galea hix fost in-numru ta’ karigi li għadhom vakanti fl-uffiċċji tal-MTA lil hinn minn xtutna, il-Ministru Zammit Lewis ikkonferma li għad hemm numru ta’ karigi vojta. Spjega li mhux faċli li jinstabu nies li jaqdu l-funzjoni importanti f’dawn l-uffiċċji tal-MTA.

Spjega wkoll li se jitwaqqaf Conference Bureau biex Malta tiġi promossa bħala destinazzjoni unika għall-konferenzi – niċċa li tattira turisti ta’ kwalità u tkompli ssaħħaħ l-istaġuni tax-xitwa li diġà huma tajbin.

Fl-aħħar ġimgħat fil-Parlament, id-Deputat Antoine Borg kien diġà ġibed l-attenzjoni dwar dawn l-istess karigi vakanti, permezz ta’ mistoqsijiet parlamentari, li għalihom, il-Ministru Zammit Lewis wieġeb li hu konxju tal-problema imma għadu qed ifittex nies bil-kwalitajiet meħtiega biex jimlewhom.

Il-Ministru Zammit Lewis ma ta ebda indikazzjoni jekk hux se jkun qed joħroġ sejħiet pubbliċi, jew hux se jerġa’ jappunta direttament nies hu f’dawn il-karigi fuq il-premessa ta’ position of trust, kif għamel fil-każ tal-eks-Chief of Staff tiegħu.

F’kummenti dwar dak li rriżulta fil-Parlament din il-ġimgħa, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu Antoine Borg qal li l-fatt li l-Ministru rrikonoxxa l-leġittimità tal-punti li qajmet l-Oppożizzjoni, juri li permezz tal-ħidma tagħha, l-Oppożizzjoni tinsab viċin l-industrija tat-turiżmu b’mod li qed titkellem il-lingwa tagħha, u tħoss il-kwistjonijiet u l-ħtiġijiet diretti tagħha.

Antoine Borg spjega li fl-aħħar ġimgħat iltaqa’ ma’ għexieren ta’ operaturi u stakeholders fil-qasam tat-turiżmu, u spjega l-impenn tal-Oppożizzjoni li f’ħidmietha tkompli tkun viċin in-nies, titkellem dwar dak li jħasseb lin-nies, u tkun oġġettiva u kostruttiva fil-kritika tagħha.