Lokali

Iktar pressjoni fuq il-Gvern dwar il-proposta taċ-ċaqliq tal-monti

Tikber il-pressjoni fuq il-Gvern dwar id-deċiżjoni kontroversjali li jpoġġi l-monti bejn il-Parlament il-ġdid u t-Teatru Rjal.

Wara l-kritika qawwija li qed jaqla’ l-gvern minn kull rokna tas-settur kulturali Malti, issa l-arkitett Richard England qed joħroġ iktar fil-pubbliku u jikkritika din id-deċiżjoni.

L-ewwel reazzjoni tal-arkitett Richard England kontra din il-proposta ta’ monti bejn it-Teatru Rjal u l-Parlament ingħatat ma’ Net News f’intervista li fiha anki żvela li l-arkitett famuż Taljan Renzo Piano, li iddisinja l-parlament il-ġdid u ż-żona ta’ Bieb il-Belt, jinsab imweġġa’ b’din il-proposta.

Wara dawn il-kummenti, Richard England kiteb f’The Times fejn kompla saħħaħ l-argumenti tiegħu kontra din il-proposta ta’ monti propju bejn żewġ siti ta’ valur kulturali.

Tul is-snin Richard England kien assoċjat mill-qrib mal-iżvilupp tad-daħla ta’ Bieb il-Belt tant li kien anki ppreżenta diversi proposti għall-bini tas-sit tat-Teatru Rjal u għar-rijablitazzjoni tal-pjazza li kien hemm fid-daħla tal-Belt u li flokha llum hemm is-sit tal-parlament.

Richard England jappella biex il-proġett kif dinja Renzo Piano jitkompla u allura jsir il-ġnien fil-foss flok ma jsir parkeġġ għall-vetturi u jsir proġett dinjituż fid-daħla tal-Belt flok il-bejjiegħa li hemm bħalissa.

Dwar il-proposta li l-monti jsir bejn it-Teatru Rjal u l-Parlament, l-arkitett Richard England isostni li din hi proposta dilettanteska u katastrofika propju ħdejn bini uniku u kwalita’ bħall-parlament il-ġdid.