Bhalissa fil-Mediterran għaddejja l-ħidma mill-Frontex tal-Unjoni Ewropea magħrufa bhala Triton , bl-għan li tindirizza l-isfida tal-immigrazzjoni illegali.
Fost il-bastimenti li qed jieħdu sehem f’din l-operazzjoni hemm it-TYR, lanċa tal-Gwardja tal-Kosta tal-Iżlanda li qed tbaħħar 4,000 kilometru minn artha.
F’Jannar it-TYR kienet involuta fis-salvataġġ ta’ kwazi 400 immigrant abbord bastiment abbandunat li tħalla għal rajh mingħajr ebda ekwipaġġ. L-istess bastiment kien qed jersaq lejn l-Italja.
Fil-passat l-istaġun tax-xitwa kien jara tnaqqis drastiku fil-vjaġġi, imma din is-sena r-rata bejn wieħed u ieħor baqgħet l-istess, bħalma xehdet traġedja oħra ta’ dawn l-aħħar ġranet. Ma jeżisti ebda ħjiel li dan se jbatti.
It-TYR hu parti minn ħidma ta’ 20 pajjiż li bdiet f’Novembru li għadda, wara li l-Italja temmet il-ħidma tagħha mlaqqma “Mare Nostrum”.
Ufficjali tal-Frontex qalu li sa 15-il passiġġieri abbord vjaġġ spiss jkopri l-ispiża kollha, fosthom anki tal-lanċa li tintuża għall-vjaġġ. Il-ħlas tal-kumplament tan-nies abbord il-vjaġġ imbagħad ikun kollu qliegħ. Qliegħ fejn spiss għal vjaġġ kull persuna tħallas madwar €7,000.
//= $special ?>