Il-Knisja ta’ Malta bħalissa għaddejja minn perjodu ta’ sawm: sawm, għax nieqsa mill-Arċisqof tagħha, l-għarus tagħha, il-preżenza ta’ Ġesu’ fostna.
Dan kien kliem l-Amministratur Appostoliku l-Isqof Charles Scicluna, fl-ittra pastorali tiegħu għall-bidu tar-Randan.
Fl-assenza tal-Isqof, f’dan il-perjodu ta’ stennija għal ħatra ta’ Isqof ġdid, l-Amministratur Appostoliku qal li s-sawm għandu jfakkarna f’erba’ aspetti, b’kull ittra tal-kelma “sawm” tippreżenta aspett differenti tal-vjaġġ tagħna fil-Knisj f’dan il-perjodu.
L-ittra “s”, fi kliem l-Isqof Scicluna, tirrapreżenta l-istennija li jġib miegħu ż-żmien tar-Randan, ikkaratterizzata minn talb ħerqan. L-ittra “a” turi l-antiċipazzjoni tagħna, bi tħejjija ta’ atteġġjament pożittiv għal min se jkun magħżul bħala r-ragħaj tagħna, u nagħruf bħala l-kelliem ta’ Kristu fostna.
It-tielet ittra, il-“w” fil-kelma “sawm”, tindika l-wens, l-imħabba li rridu nuru lil kull min iħabbat fil-ħin tagħna, bħala nsara u dixxipli ta’ Kristu.
U l-aħħar ittra, fi kliem l-Isqof Scicluna, l-“m”, tfakkar fil-maħfra, il-virtu’ li aħna bħala nsara msejjħin li neżerċitaw f’ħajjitna.
Fid-dawl ta’ dawn l-erba’ aspetti, l-Isqof Scicluna appella lil Maltin biex jgħixu l-paċi ta’ żmien ir-Randan, miġjub mill-maħfra, bħala rigal lil kommunita’ kollha ta’ Malta u Għawdex.
//= $special ?>