Lokali

Il-Pulizija aggrediti f’każ drammatiku f’Ħal Tarxien

Dik li kienet sejħa biex il-Pulizija tikkontrolla ġlieda f’bar f’Ħal Tarxien wasslet f’ġirja wara persuna, li allegatament spiċċat aggrediet lil Pulizija, tipprova taħrabhom u saħansitra tħebb għal numru ta’ persuni, kemm fl-istabbiliment innifsu kif ukoll, fuq iz-zuntier tal-Knisja u fil-Poliklinika.

Kollox beda hekk kif il-Pulizija żaret bar f’Ħal Tarxien, wara rapporti li kien hemm ġlieda fil-post. Malli waslu fil-post, membri mill-Korp tal-Pulizija osservaw li ma kien hemm l-ebda kommozzjoni, u għalhekk, wara li aċċertaw li kulħadd jinsab tajjeb, daru biex jitilqgħu mill-istabiliment.

Kien f’dan il-mument li ġew avviċinati minn mara, li allegatament kellha fuqha riħa qawwija ta’ xorb. Hi qalet li ftit tal-ħin qabel waslu l-Pulizija, hi kienet qalet daqqa ta’ flixkun mingħand l-eks partner tagħha, li kien fil-post. Hu ċaħad dawn l-allegazzjonijiet, u fid-dawl tal-fatt li ma kellha l-ebda ġrieħi viżibli, il-Pulizija issuġġeriet lil mara biex tmur sal-Poliklinika biex jagħmlulha ċertifikat mediku.

B’reazzjoni ta’ dan, hi allegatament infexxet b’sensiela ta’ kliem oxxen u dispjreġġjattiv indirizzat lejn il-Pulizija. Saħansitra tefgħet tazza lejn membru mill-Korp, u iktar tard ħarġet tiġri fit-triq wara l-eks tagħha, fejn spiċċat waqgħet mal-art.

Kien f’dan il-mument li membri mill-korp tal-Pulizija pruvaw jgħinuha tqum mill-art, iżda hi allegatament bdiet tagħtihom daqqiet bis-sieq, filwaqt li bdiet tawguralhom li membri tal-familja tagħhom jaqbadhom mard serju.

Wara li marru sal-għassa u kkonsultaw mal-Ispettur Zammit, il-Pulizija ngħataw struzzjonijiet biex din il-persuna tinstab u tkun arrestata. Intant, il-Pulizija kienet infurmata li l-persuna kienet marret saċ-Ċentru tal-Iscouts ta’ Ħal Tarxien, u kellha argument ma’ persuni li kienu hemmhekk. Minn dak il-ħin, il-Pulizija spiċċat f’tfittxija għal Grech, li telqet mal-post u saħansitra nfexxet f’ġirja malli lemħet il-membri tal-Korp.

Hi spiċċat inżammet minn diversi membri tal-Pulizija fuq iz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Tarxien, fejn saħansitra allegatament beżqet lejn membru tal-Korp, u tagħtha daqqa f’xuftejha.

Il-persuna ttieħdet sal-Poliklinika ta’ Raħal Ġdid, fejn seħħew inċident simili, bil-mara allegatament tagħti daqqiet ta’ sieq lil Pulizija, tant li wieħed minnhom spiċċa kellu jżur lit-tabib tal-Poliklinika, u ġie ċertifikat li ġarrab ġrieħi ħfief. Grech aggrediet ukoll membri oħrajn, fosthom billi ġibdet ix-xagħar, tajret in-nuċċali u saħansitra waddbet qasrija lejn Pulizija li kienu fil-post.

Wara dan l-episodju, ġie deċiż li hi tittieħed sal-Poliklinika tal-Floriana, u mal-wasla tagħha, allegatament intefgħet mal-art tgħajjat li ġiet imsawwta mill-membri tal-Korp tal-Pulizija.
Iktar tard, ittieħdet fil-lock-up tas-CID.

Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit ġiet infurmatha bil-każ, u l-Pulizija tinsab għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha.

Il-persuna tressqet il-Qorti proprju llum wara nofsinhar u l-persuna qed tinżamm il-ħabs ta’ Kordin.