Wara xhur ta’ preparamenti, l-istudenti tal-mediċina fil-ġimgħat li ġejjin se jkunu qed iżuru t-Turkija, għal Assemblea Ġenerali, li fiha se jkunu qed jippreżentaw lil pajjiżna bħala destinazzjoni ideali biex issir Assemblea simili f’Marzu 2016.
L-Assemblea, li tkun organizzata darbtejn f’sena, f’Marzu u Awwissu, isservi bħala pjattaforma biex l-istudenti tal-mediċina mill-erba’ irkejjen tad-dinja jiltaqgħu u jaqsmu flimkien it-tagħlim u l-ideat tagħhom. Dan bħala parti mill-ħidma tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Assoċjazzjonijiet tal-Mediċina, l-IFMSA, li tinkorpora fiha miljuni ta’ studenti tal-mediċina minn madwar id-dinja.
Il-kobor ta’ din il-Federazzjoni jidher ukoll fin-numru ta’ delegati li jattendu dawn il-laqgħat annwali, b’total li jaqbeż l-1,200. Dan minbarra li dawn il-laqgħat internazzjonali jaraw ukoll is-sehem ta’ dinjitarji, fosthom rappreżentanti ta’ entitajiet internazzjonali bħal WHO u l-UNESCO.
L-Għaqda tal-Istudenti tal-Mediċina ta’ Malta, l-MMSA, għall-ewwel darba fl-istorja tagħha u f’din l-iskala, qed taħdem biex tattira assemblea simili f’pajjiżna, li minbarra li se tixpruna t-turiżmu fil-gżejjer Maltin fil-ġimgħatejn ta’ Marzu 2016, għandha twassal ukoll biex tpoġġi lil Malta fil-mappa globali ta’ din il-Federazzjoni u tal-istudenti tal-mediċina b’mod ġenerali.
Il-kompetituri ta’ Malta għall-organizazzjoni ta’ din l-assemblea huma l-istudenti tal-mediċina ta’ Montenegro.
L-appoġġ tal-pubbliku Malti għal din l-inizjattiva hija essenzjali biex din il-ħolma tal-istudenti tal-mediċina Maltin titwettaq.
Tista’ iżżomm ruħek aġġornat bl-aħħar żviluppi tal-Kumitat Organizattiv tal-istudenti Maltin billi żżur il-paġna tagħhom fuq Facebook: https://www.facebook.com/mm2016malta.
Din il-paġna tinkludi wkoll ritratti u informazzjoni dwar pajjiżna, li għandhom iservu biex jippromwovu l-kultura ta’ artna mal-pubbliku barrani.
//= $special ?>