Internazzjonali

L-Italja lesta biex tikkonfronta t-theddida tal-ISIS fil-Libja

L-inkwiet li t-terroristi jistgħu jiddikjaraw emirat Iżlamiku fil-belt Libjana ta’ Sirte qed tħasseb dejjem aktar lill-Ewropa u b’mod partikolari l-Italja. Fil-fatt, il-Ministru Taljan għall-Affarijiet Barranin, Paolo Gentiloni, tenna li pajjiżu lest jikkumbatti t-theddida tal-ISIS fil-qafas tal-komunita internazzjonali, jekk kemm il-darba tfalli d-diplomazija.

L-Italja anki qed tħeġġeġ biex ic-ċittadini Taljani jitilqu mil-Libja fost l-indikazzjonijiet li t-terroristi tal-ISIS qed jikkonsolidaw posthom f’Sirte, wara li ħatfu stazzjon tar-radju bl-iskop li jikkomunikaw mal-poplu lokali.

Is-sitwazzjoni f’Sirte hi anki kkumplikata minħabba l-preżenza ta’ numru sostanzjali ta’ gruppi radikali armati. L-akbar inkwiet hu li l-ISIS jistgħu jieħdu vantaġġ min-nuqqas ta’ Gvern ċentrali biex jibdlu z-zona fi Stat Iżlamiku bħalma seħħ diġa fil-belt Libjana ta’ Derna.

Sadanittant, il-vjolenza fil-Libja qed tkompli, bi splużjoni fl-inħawi ta’ El Sarir twaqqaf iċ-ċirkolazzjoni taż-żejt lejn il-port ta’ Hariga. It-tiswijiet fuq il-pipeline jistgħu jdumu għal numru ta’ ġranet u mhux magħruf jekk l-isplużjoni seħħitx minn bomba inkella kenitx dovuta għal kawża aċċidentali.