Jum San Valentinu beda fi żmien ir-Rumani. Hemm żewġ teoriji dwar l-oriġini tal-jum tal-maħbubin.
Waħda hi li ċ-ċelebrazzjoni ġejja minn festival Ruman, li kien jissejjaħ Lupercalia, u li kien isir fil-jum tal-15 ta’ Frar. Dakinhar, l-irġiel kienu jinżgħu l-ħwejjeġ u jsawtu lil tfajliet żgħar bit-tama li jżidu l-fertilità tagħhom.
It-tieni teorija hi li waqt li l-Imperatur Ruman Claudius II kien qed jipprova jsaħħaħ l-armata tiegħu, ipprojbixxa lis-suldati tiegħu milli jkunu miżżewġa, għax probabbli kien jaħseb li rġiel mhux miżżewġa jagħmlu suldati aħjar, u San Valentinu kien jikser l-ordni u bil-moħbi, jżewweġ lil dawk li kienu jixtiequ jingħaqdu fiż-żwieġ. Talli kiser l-ordni tal-Imperatur, San Valentinu nqatel fil-jum tal-14 ta’ Frar.
Il-jum ta’ San Valentinu hu t-tieni l-iktar okkażjoni fis-sena li matulha jingħataw kartolini bix-xewqat, wara l-Milied.
Kurżitajiet oħra assoċjati ma’ Jum San Valentinu jinkludu li:
1. Madwar id-dinja jingħataw 50 miljun warda kull sena f’din il-festa.
2. Richard Cadbury ivvinta l-ewwel kaxxa bil-ħelu għal Jum San Valentinu, lejn l-aħħar tas-seklu dsatax.
3. Il-belt ta’ Verona fl-Italja, li hi l-belt ta’ Romeo u Ġuljetta fid-dramm ta’ Shakespeare, tirċievi madwar 1,000 ittra indirizzati lil Ġuljetta, fl-okkażjoni ta’ kull Jum San Valentinu.
4. F’ordni ta’ popolarità, il-kartolini ta’ Jum San Valentinu jingħataw lil għalliema, ulied, ommijiet, nisa minn żwieġhom, namrati u annimali domestiċi.
5. Fl-Istati Uniti se jsiru madwar 8 biljun qalb tal-ħelu fl-okkażjoni ta’ San Valentinu din is-sena. Dan ifisser ħelu li jista’ jdur minn Ruma fl-Italja għal Valentine, fl-istat Amerikan ta’ Arizona, għal 20 darba u lura.
6. 220,000 hu l-medja ta’ kemm isiru proposti ta’ żwieġ f’Jum San Valentinu kull sena.
7. Il-warda l-ħamra kienet il-fjura favorita ta’ Venere, l-alla Rumana tal-imħabba.
8. Fl-Istati Uniti tinxtara b’iktar minn $1 biljun ta’ ċikkulata għal din l-okkażjoni.
9. Fl-1537, ir-Re Enriku VII uffiċjalment iddikjara l-ġurnata tal-14 ta’ Frar bħala l-festa ta’ San Valentinu.
10. Fil-Medju Evu, ġuvintur u tfajliet żgħar kienu jtellgħu ismijiet miktuba fuq karta mitfugħa f’vażett, biex jaraw min kien se jkun il-Valentinu tagħhom. Dan l-isem kien jitwaħħal fuq il-komma għal ġimgħa sħiħa biex kulħadd ikun jaf. Din hi l-oriġini tal-espressjoni bl-Ingliż “to wear your heart on your sleeve”, jew li turi l-emozzjonijiet tiegħek fil-beraħ.
//= $special ?>