Fl-ewwel lejl ta’ ċelebrazzjonijiet tal-Karnival, il-Pulizija wettqet numru ta’ spezzjonijiet fil-gżira t’Għawdex, fejn bħalissa hemm eluf ta’ Maltin li qed jiċċelebraw f’dan il-perjodu tas-sena.
Għal ħabta tas-2 ta’ dalgħodu, il-Pulizija, waqt roadblock fiż-Żebbuġ waqqfu karozza li kellha ġo fiha grinder tal-kannabis u diversi materjal ieħor relatat mal-abbuż tad-droga.
Il-Pulizija arrestat lis-sewwieq u iktar tard wettqet ukoll tfittxija fl-appartament li qed joqgħod fih, f’Marsalforn, fejn ġewwa l-kamra tas-sodda tiegħu sabu boroz b’trab abjad, weraq tal-kannabis u materjal li jintuża biex tipprepara d-droga.
Intant, ilbieraħ filgħaxija fiċ-Ċirkewwa, għal ħabta tal-10.30pm, waqt li kienu qed jispezzjonaw il-vetturi li se jitilgħu fuq il-vapur t’Għawdex, membri tal-korp tal-Pulizija waqqfu karozza oħra, din id-darba ta’ żagħżugħ ta’ 23 sena, li kien qed iġib ruħu b’mod suspettuż. Tfittxija fil-kompartament tal-bagalji, fuq wara tal-karozza, wasslet biex il-Pulizija ssib apparat li jintuża għat-tipjip tad-droga kannabis. Tiftix taħt is-sit tas-sewwieq wassal ukoll biex tinstab borża b’sustanza kannella.
Il-Pulizija tinsab għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha.
//= $special ?>