Il-ġlied qalil deher qed iżid fl-Ukrajna tal-Lvant minkejja li, min-nofs il-lejl, għandu jsir effettiv il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied li qablu dwaru jiem ilu, l-Mexxejja tal-Ukrajna, ir-Russja, il-Ġermanja u Franza.
Fl-aħħar sigħat, ir-ribelli separatisti Ukreni li jappoġġjaw ir-Russja ma waqfux jibbumbardjaw il-belt strateġika ta’ Debaltseve, fost il-battalji bejn gruppi ta’ dawn is-separatisti u l-qawwiet tal-Gvern Ukren fl-inħawi ta’ Mariupol.
L-Ambaxxatur Amerikan għall-Ukrajna, Geoffrey Pyatt, bagħat ir-ritratti fuq Twitter li qal qed juru l-artillerija tar-Russi fil-limiti ta’ Debaltseve, filwaqt li tenna li r-ribelli separatisti fir- reġjuni fl-Ukrajna ‘għandhom armi aqwa minn xi pajjiżi tan-NATO’.
L-aħħar rapporti rreferew għall-attakki kontinwi fuq zoni residenzjali fl-Ukrajna tal-Lvant, bir-ribelli separatisti anki jattakkaw il-villaġġi bit-tankijiet tal-gwerra .
Dan kompla jżid mal-inċertezza fis-sigħat qabel (suppost) jidħol fis-seħħ il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied skont il-qbil li sar, fil-Belarus, bejn il-President tal-Ukrajna, Petro Poroshenko; il-President Russu, Vladimir Putin; il-President Franċiż, Francis Hollande u l-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel.
Min-naħa tiegħu, Poroshenko qed iwissi li l-ftehim għall-paċi li ntlaħaq fil-belt ta’ Minsk, issa, spiċċa ‘f’periklu gravi’ filwaqt li akkuża lir-Russja talli ‘qed tagħti spinta lill-offensiva fir-reġjuni tal-Ukrajna.
//= $special ?>