Internazzjonali Kurżitajiet Xjenza u Teknoloġija

Tista’ tagħżel minn jieħu ħsieb il-Facebook tiegħek wara li tmut

Il-kumpanija ġgant tal-midja soċjali ‘Facebook’ ħabbret li żiedet faċilita’ ġdida għall-membri tagħha. Dik li qed tissejjaħ “Legacy Contact”.

Din il-‘feature’ ġdida fuq Facebook tfisser li issa wieħed se jkun jista’ jagħżel persuna li tieħu l-inkarigu tal-kont tiegħu ta’ Facebook ladarba dan imut.

Din il-‘legacy contact’ tkun tista’ taċċessa l-profil tal-mejjet u tkompli tieħu ħsiebu hi; bħal pereżempju biex tħalli avviżi dwar il-funeral, taġġorna r-ritratti u tirrispondi għal ‘friend requests’ ġodda mingħand membri tal-familja li jkunu għadhom kif saru membri tal-Facebook.

Persuna tista’ tagħżel ukoll li tagħti permess lil-‘legacy contact’ sabiex tniżżel arkivju sħiħ tal-Facebook tal-mejjet.

Il-persuna li tkun magħżula biex tieħu ħsieb il-kont ta’ Facebook ta’ xi ħadd li jkun miet, ma tkunx tista’ tagħmel ċertu affarijiet, bħal pereżempju taqra l-messaġġi personali.

Minflok ‘legacy contact’, wieħed jista’ wkoll jagħżel li l-kont tiegħu ta’ Facebook jitħassarlu b’mod permanenti wara li jmut.

Din il-‘feature’ s’issa daħlet fis-seħħ biss għal kontijiet reġistrati fuq l-Istati Uniti. Aktar tard tidħol fis-seħħ ukoll għall-kontijiet kollha l-oħra.

Min għandu kont reġistrat fuq l-Istati Uniti jista’ jagħżel il-‘legacy contact’ tiegħu billi jiftaħ is-‘settings’, jagħżel ‘security’ u minn hemm isib il-buttuna ‘legacy contact’ fl-aħħar tal-lista t’għażliet.