Ekonomija Lokali

€90 miljun tal-poplu Libjan maqbudin għand il-BOV

Minkejja li issa għaddew numru ta’ snin, il-Bank of Valletta għadu qiegħed iżomm għandu kważi €90 miljun li kienu ġew iffriżati minn żewġ kontijiet bankarji oriġinarjament proprjetà ta’ Mutassim Gaddafi, iben l-eks Dittatur Libjan Muammar Gaddafi, u li meta nstabu kienu jgħajtu lill-accountant Joe Sammut, eks Kandidat u eks Teżorier tal-Partit Laburista, li jaħdem minn uffiċċju fil-Mosta.

Sorsi infurmati tajjeb qalu lil il-mument li l-Ambaxxata Libjana f’Ħal Balzan qed issegwi mill-qrib ħafna kull żvilupp relatat ma’ dawn il-flus li fil-prinċipju hemm qbil li huma proprjetà tal-poplu Libjan u għalhekk dawn il-flus għandhom jingħataw lill-Gvern Libjan biex jintużaw fl-aħjar interess tal-poplu Libjan.

Il-fatt li dawn il-flus f’ammonti kbar għadhom maqbudin fil-Bank of Valletta m’hix sitwazzjoni feliċi mhux biss għaliex il-Bank of Valletta jaf tajjeb li dawn huma flus tal-poplu Libjan, imma anki għaliex l-interessi mħallsa fuqhom huma redikoli għall-aħħar – 0.02 fil-mija.

Wieħed jifhem is-sitwazzjoni fir-rigward tal-Bank of Valletta li kemm-il darba jkollu joħroġ somma daqstant kbira – li min-naħa tiegħu żgur li investa b’imgħax favur tiegħu ferm aktar gradevoli – ikun qiegħed joħroġ kapitali finanzjarju qawwi ħafna.

Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument fissru li din l-istorja ilha għaddejja minn meta tnejn mit-tfal tal-eks dittatur Muammar Gaddafi bdew jużaw is-servizzi tal-accountant Joe Sammut li hu midħla sew tal-Partit Laburista tant li fiż-żmien kien mhux biss Teżorier tal-Partit, iżda saħansitra kandidat għall-elezzjoni ġenerali u li minn żmien għal ieħor jagħti kontribut fil-media tal-Partit Laburista.