Mhux aċċettabbli li jkun hemm nies f’karigi pubbliċi jew politiċi fil-lista ta’ Swissleaks
Il-Gvern għandu jara min huma l-Maltin imsemmija fi Swissleaks u jinvestiga jekk il-pożizzjoni tagħhom hix regolari. Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil meta mistoqsi dalgħodu għar-reazzjoni tiegħu dwar l-aħbar li numru ta’ nies Maltin huma fosta dawk li kellhom kont bankarju f’bank Żvizzeru.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni għamilha ċara li għall-Partit Nazzjonalista ma jkunx aċċettabbli li fost dawn il-Maltin ikun hemm min għandu jew kellu pożizzjoni pubblika hawn Malta jew pożizzjoni f’partit politiku.
“L-insistenza tagħna hija mal-Gvern biex jitkixxef min huma l-Maltin ħalli jieħu l-passi biex dawn jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom, speċjalment jekk naqsu milli jħallsu t-taxxi jew kisru xi liġijiet oħra ta’ pajjiżna,” qal Simon Busuttil.
Joseph Muscat ħoloq prekarjat ġdid għall-ħaddiema tal-Enemalta
Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem ukoll dwar it-tradiment li għaddejjin minnu l-ħaddiema tal-Enemalta, li Joseph Muscat wegħdhom li mhux se tinbidilhom it-take-home-pay, iżda issa qed joħroġ fiċ-ċar li din se tiġi affetwata. Hu qal li dan huwa tradiment f’wiċċ il-ħaddiema. “L-Oppożizzjoni qed issegwi dak kollu li qed jiġri,” sostna Simon Busuttil. Hu sostna li Joseph Muscat ħoloq prekarjat ġdid għall-ħaddiema tal-Enemalta.
Il-Gvern ma jimpurtahx mill-cashflow tal-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin
Wara d-dibattitu Parlamentari ta’ nhar it-Tnejn li għadda li sar b’mozzjoni tal-Oppożizzjoni li sejħet għat-traħħis tal-prezzijiet tal-petrol u d-diesel b’mod immedjat u sostanzjali, l-Kap tal-Oppożizzjoni qal li qed joħroġ ċar, anke minn dak li qal il-Ministru Konrad Mizzi, li l-Gvern moħħu biss fil-cashflow tiegħu u mhux tal-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin. Hu reġa’ appella biex il-Gvern iraħħas il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel minnufih u b’mod immedjat.
Nappella lill-Prim Ministru biex flimkien insalvaw il-belt kapitali ta’ pajjiżna
Dwar il-kontroversja dwar il-kultura ta’ pajjiżna, b’mod speċjali dwar id-deċiżjoni tal-Prim Ministru li jpoġġi l-monti ħdejn il-proġett ta’ Renzo Piano, l-Kap tal-Oppożizzjoni appella lill-Prim Ministru biex iħalli l-pika partiġġjana f’ġenb, u jpoġġi l-interess tal-pajjiż bħala prijorità.
Hu rrefera għal dak li qalu l-Perit Richard England u Michael Briguglio li ddeskrivew dak li qed jagħmel il-Gvern bħala “traġedja” u “vandaliżmu kulturali”. Simon Busuttil qal li d-deċiżjonijiet tal-Gvern f’din il-kontroversja juru li l-istandards ta’ dan il-Gvern huma baxxi u medjokri.
Dawn l-affarijiet juru li għal dan il-Gvern, il-kultura mhix prijorità, anzi lest li jbiegħ il-kultura għall-voti. Hu reġa’ sostna l-pożizzjoni tiegħu li taħt it-tmexxija tiegħu, l-monti ma jkunx fi Triq l-Ordinanza. Simon Busuttil qal li lest jikkonsulta mal-bejjiegħa tal-monti biex jinstabu alternattivi oħrajn anke fil-Belt Valletta.
Hu sostna li l-Ministru tal-Kultura, flok jiddefendi l-kultura, qed jiddefendi l-attakk fuq il-kultura li qed isir minn dan il-Gvern.
Il-Gvern għandu jagħmel pressjoni mal-Unjoni Ewropea dwar is-sitwazzjoni fil-Libja
Dwar is-sitwazzjoni fil-Libja, l-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li fis-Summit tal-Partit Popolari Ewropew aktar kmieni din il-ġimgħa, hu appella lill-mexxejja l-oħra biex jittieħdu l-passi qabel ikun tard wisq.
Dan l-appell għamlu għaliex Malta għandha interess li l-Unjoni Ewropea tintervjeni biex tassigura li l-ebda għaqda terroristika ma tkun f’pożizzjoni b’saħħitha ftit biss ‘il bogħod minn Malta.
Hu qal li l-Gvern Malti għandu jagħfas lill-Unjoni Ewropea biex tkun hi li tfittex li jkun hemm mandat tal-Ġnus Magħquda biex isir intervent fil-Libja bil-għan li s-sitwazzjoni tiġi lura għan-normal.
//= $special ?>