Lokali

In-negozjant Ryan Schembri jinsab f’Dubai – kien ħarab u ħalla djun kbar

Ryan Schembri, in-negozjant Malti li ħarab minn pajjiżna wara li spiċċa mifni minn djun ta’ miljuni ta’ ewro, kien qed jgħix f’lukanda f’Dubai.

Din l-aħħar informazzjoni kienet irrapurtata fuq il-ġurnal The Sunday Times wara li l-istorja li Schembri kien ħarab minn Malta kienet żvelata fuq il-mument u In-Nazzjon f’Settembru li għadda, ftit jiem biss wara li ħarab minn Malta.

Madankollu Schembri, li għandu 35 sena, jidher li ħalla din il-lukanda, li tinsab madwar 30 minuta bogħod mill-Burj Al-Arab, is-Sibt filgħodu.

Jirriżulta li kien negozjant Malti l-ewwel li għamel kuntatt mal-lukanda u rrispondieh persuni b’aċċent Malti, li skont dan in-negozjant m’hemmx dubju li kien Ryan Schembri, li hu mfittex minn ħafna f’pajjiżna.

Is-Sunday Times tkompli li l-għada Schembri, li kien qed jgħix u jaħdem f’Dubai għall-aħħar xhur, telaq mil-lukanda l-għada filgħodu stess.

Jidher li Schembri kien bena kuntatti kbar ma’ negozjanti minn Dubai u għalhekk telaq lejn dan il-pajjiż biex jaħdem ma’ dawn il-kuntatti. Barra minn hekk Schembri hu vantaġġjat mill-fatt li m’hemm l-ebda ftehim bejn Malta u Dubai għal estradizzjonijiet ta’ persuni mfittxija f’pajjiżna.