Lokali

Jallegaw prattiċi skorretti minn fizzjali għolja fil-Korp tal-Pulizija

Pulizija li aktar kmieni matul din il-ġimgħa tkellmu ma’ il-mument żvelaw prattiċi mill-aktar skorretti minn fizzjali għolja fil-Korp tal-Pulizija.

Dawn il-Pulizija fissrulna numru ta’ prattiċi skorretti li jeħtieġ li jitwaqqfu minnufih inkella l-Korp mhux talli mhux se jieħu r-ruħ u jikseb lura l-fiduċja tal-Maltin u l-Għawdxin, iżda talli s-susa se tkompli tnawwar u tagħmel il-ħsara.

Il-Pulizija li tkellmu ma’ il-mument fissru li meta Pietru Pawl Zammit kien inħatar Kummissarju tal-Pulizija, kienu introdotti diversi miżuri li wieħed jista’ jgħid li kienu tajbin. Fost l-oħrajn kienu introdotti l-flexi hours fejn il-ħaddiema jkollhom il-possibbiltà li jaħdmu wara l-ħin biex jagħmlu tajjeb għas-sigħat li jkunu ħadu waqt il-ħin tax-xogħol biex isegwu xi kors ta’ studju. Din l-inizjattiva kienet għamlet ħoss pożittiv fost bosta membri u ħeġġithom biex jitħajru jsegwu aktar korsijiet ta’ studju waqt li fl-istess ħin ikollhom ukoll l-impjieg full-time tagħhom.

Iżda ġara, fissrulna s-sorsi li tkellmu magħna, li malli bdiet is-Sena Akkademika 2014-15 u Pietru Pawl Zammit tneħħa mill-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija wara sensiela ta’ żbalji goffi, it-tmexxija tal-Korp għaddiet f’idejn Raymond Zammit bħala Aġent Kummissarju tal-Pulizija. Jirriżulta li l-Korp, bl-għajnuna u l-gwida tal-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, neħħa għal kollox il-benefiċċju tal-flexi hours u ħalla lampa stampa lil dawk li kienu laħqu bdew xi kors fl-Università.

Minkejja dan kienu bosta dawk il-membri fil-Korp li xorta baqgħu jattendu għal-lectures waqt il-ħin tax-xogħol, speċjalment dawk li jokkupaw kariga ta’ Uffiċjal għaliex dawn ikollhom aktar ċans minħabba li jistgħu faċilment jinħbdew wara l-iskuża li jridu jidhru l-Qorti.

Is-sorsi li tkellmu magħna żiedu li dawn l-istess Uffiċjali jgawdu wkoll il-vantaġġ li qajla jkunu mistoqsija mis-superjuri tagħhom kif ikunu qattgħu l-ħin tax-xogħol tagħhom.

Eżempju ċar ta’dan hu d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Internazzjonali (IRU) li jitmexxa mill-Assistent Kummissarju Stephen Gatt li għandu taħt id-direzzjoni tiegħu 27 membru tal-Korp li minnhom wieħed jokkupa l-kariga ta’ Supretendent, tlieta jokkupaw il-kariga ta’ Spettur u ieħor il-kariga ta’ Maġġur.

Dawk li tkellmu ma’ il-mument żiedu li tajjeb li wieħed jinnota l-fatt li Spettur minn dawn it tlieta li jiffurmaw parti minn dan id-Dipartiment għamlet żmien tqatta’ l-maġġoranza tal-ħin tax-xogħol tagħha fl-Università meta dan ma kienx permess u l-istess Assistent Kummissarju kien iħalli dan l-abbuż għaddej qisu qatt ma kien xejn.

Abbużi serji oħra li jiġru f’dan id-Dipartiment huma li l-Ispetturi, minħabba li għandhom il-faċilità li jreġġgħu lura l-leave li jkunu ħadu permezz ta’ messaġġ fl-NPS (PIRS) u meta jkunu awtorizzati biss minħabba xogħol li ma jkunx jista’ jistenna, jibbukkjaw u jieħdu l-leave bi proċedura normali iżda wara ammont ta’ ġranet u meta jaraw li waqt l-assenza tagħhom mix-xoghol ma jkun inqala’ xejn partikulari, ireġġgħu lura l-ħin vakant a favur tagħhom u b’qerq li jkunu ngħataw fil-ġranet ta’ qabel.

F’dan l-Uffiċċju jidher li l-ħajja mhix waħda impenjattiva tant li x-xufier tal-Assistent Kummissarju qajla jkun stand-by kif meħtieġ fl-Uffiċċju għaliex għandu snack bar faċċata tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizjia u jqatta’ ħafna mill-ħin ibiegħ wara l-bank u jidħol l-Uffiċċju biss biex jieħu l-ordnijiet tal-ikel mingħand il-kollegi u s-superjuri tiegħu.

Is-sorsi li tkellmu magħna staqsew jekk dan ingħatax permess biex ikollu part-time job vilment quddiem għajnejn il-Kummissarju? Jew huma biss dawk li jagħmlu xogħol ta’ mekkanik jew xi part-time ieħor li jkollhom kunflitt ta’ interess?

Is-sorsi żiedu li f’dan l-Uffiċċju partikulari fil-Korp tal-Pulizija d-daħk u ċ-ċajt vulgari hu spiss ħafna. Min hu responsabbli minn dan l-Uffiċċju jaf tajjeb ħafna dan kollu.

Invista ta’ dawn l-abbużi kien hemm membri tal-Korp li wasslu l-ilmenti tagħhom lid-Dipartiment tad-Dixxiplina tal-Pulizija u ċioè lill-Assistent Kummissarju Carmelo Magri. Rapporti oħra twasslu wkoll għand l-Assistent Kummissarju Mario Spiteri.

Is-sorsi li tkellmu magħna fissru li kemm-il darba dawn l-abbużi jkunu investigati bir-reqqa, allura jistgħu jwasslu jew għal proċeduri dixxiplinarji interni jew inkella saħansitra biex jinbdew proċeduri kriminali li jistgħu jammontaw għal priġunerija.

L-imsemmijja Uffiċjali tad-Dipartiment tal-IRU żiedu lok għal iżjed inġustizzji fuq in-nies li jirrappurtaw lilhom fosthom it-tnaqqis ta’ xogħol li beda jiġi fdat lill-membri ta’ taħthom, fosthom abbużi fl-għoti tal-leave li saħansitra wassal biex kellhom jittieħdu tfal żgħar (ta’ sentejn) ta’ membri għal ġurnata xogħol ta’ disa’ sigħat fl-uffiċini sensittivi tal-IRU li ma fih l-ebda faċilitajiet adattati biex tiġi mħarsa s-saħħa u s-sigurtà ta’ dawn it-tfal.