L-elezzjoni tal-11 ta’ April hija waħda importanti għar-residenti ta’ fejn se ssir l-elezzjoni biex jagħżlu lil min irid li jirrapreżentahom fuq livell lokali fis-snin li ġejjin. Din l-elezzjoni se ssir bis-saħħa tal-Kap Partit Nazzjonalista li baqa’ jinsisti u jagħmel pressjoni fuq il-Gvern Laburista biex ireġġa’ lura mid-deċiżjoni li kien ħa Joseph Muscat – dik li jħassar l-elezzjonijiet tal-Kunsill Lokali ta’ din is-sena.
Dan kien il-messaġġ li wassal il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Partit u Shadow Minister tal-Intern Beppe Fenech Adami waqt laqgħa ta’ djalogu fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista f’Raħal Ġdid hekk kif bdiet sensiela ta’ laqgħat mix-Shadow Ministers tal-Partit Nazzjonalista fil-lokalitajiet.
Beppe Fenech Adami sostna li l-Partit Nazzjonalista fil-Kunsilli Lokali kapaċi jagħmel differenza bħalma qed jirnexxielu jagħmel fuq livell nazzjonali mill-Oppożizzjoni. Fost l-oħrajn, semma l-eżempji tat-tneħħija tal-Ministru Manuel Mallia, l-iskema taċ-ċittadinanza, kif ukoll il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel.
Dwar dawn tkellmet ukoll ix-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli li sostniet li l-Gvern għandu jraħħashom minnufih u b’mod sostanzjali. Hi qalet li l-erba’ ċenteżmi li traħħsu fil-bidu ta’ dan ix-xahar traħħsu biss grazzi għall-insistenza tal-Oppożizzjoni. Li kien għall-Gvern, żamm il-prezzijiet għoljin, sostniet Marthese Portelli.
Hi qalet li l-Oppożizzjoni se tkompli tinsisti mal-Gvern biex iraħħas il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel u dan peress li l-prezzijiet f’Malta għadhom fost l-ogħla fl-Unjoni Ewropea. Hi qalet li kuntrarju għall-Ministru Konrad Mizzi li ħsiebu biss fil-casfhlow tiegħu u tal-mara, u tal-kumpanija Enemed li waqqaf hu stess, l-Oppożizzjoni moħħha fil-casfhlow tal-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.
Waqt il-laqgħa ħa sehem ukoll id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici kif ukoll il-kandidati għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid.
//= $special ?>