Internazzjonali

Aġġornata: Sparaturi fid-Danimarka waqt seminar dwar offiżi lir-reliġjon

Attakk terroristiku jaħsad lid-Danimarka.

U dan hekk kif mill-inqas tliet persuni, inkluż żewġ membri tal-korp tal-Pulizija ndarbu wara li żewġ persuni fetħu n-nar viċin sinagoga fil-kapitali Daniża. L-inċident seħħ ftit wara li seħħet sparatura simili f’nofs seminar dwar l-offiżi lejn ir-reliġjon li kien għaddej f’Copenhagen, bl-aggressur jidher li jaħrab b’ġirja wara li wettaq l-attakk. Qed ikun irrapurtat ukoll li hemm vittma, persuna ċivili, minħabba l-attakk viċin tas-sinagoga.

F’dan id-dibattitu, li fih kien qed jitkellem l-Ambaxxatur Franċiż, kien hemm preżenti wkoll l-Isvediż Lars Vilks, artist tal-karikatura mill-iktar kontroversjali minħabba l-karikaturi tiegħu dwar il-Profeta Muhammed.

Qed ikun irrapurtat li l-agressuri sparaw mal-40 tir, filwaqt li għaddejja tfittxija biex jinstabu.

Intant, jidher li hekk kif kienu qed jaħdmu biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni, il-Pulizija fid-Danimarka spiċċaw sparaw u qattlu raġel li kellu x’jaqsam ma’ dawn l-attakki.

Aktar dettalji wara konferenza stampa li se ssir fid-Danimarka fl-10am, ħin ta’ Malta.