Lokali

Spiża sostanzjali wara l-attakk terroristiku fuq il-Corinthia

L-attakk terroristiku fuq il-Lukanda Corinthia fi Tripli li seħħ lejn tmiem ix-xahar li għadda f’termini ta’ finanzi biex ikunu rranġati l-ħsarat jammonta għal eluf sostanzjali ta’ ewro.

Fil-preżent il-Lukanda Corinthia għadha qed tinżamm magħluqa u l-kumpanija International Hotel Investments qed tagħmel ta’ kuljum it-telf li jammonta għal eluf ta’ ewro.

Minkejja li f’dan il-perijodu tas-sena l-Lukanda Corinthia – anki fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali fil-kapitali Libjana – il-volum tax-xogħol mhux normali li jkun qawwi, madankollu r-rota kienet qed iddur sew u fil-lukanda kien qiegħed ikun hemm residenti Libjani, Ministri u uffiċjali tal-Gvern ta’ Tripli kif ukoll xi delegazzjonijiet u persuni oħra.

Il-Lukanda Corinthia fi Tripli tinsab f’post meqjus bħala sigur ħafna tant li l-attakk terroristiku fuqha mhux biss ħasad lil kulħadd, iżda kien ta’ sorpriża kbira għax mhu solitu xejn li avvenimenti terroristiċi jseħħu f’din il-parti ta’ Tripli.

Madankollu hemm min għadu jsostni li l-ħsieb wara l-attakk terroristiku fuq il-Lukanda Corinthia kellu mira speċifika ħafna – dak li jinħataf il-Prim Ministru ta’ Tripli Omar Al Hasi li jidher li f’dak il-perijodu meta sar l-attakk kien residenti fil-Lukanda.

Lil hinn mill-attakk fuq il-Lukanda, issa li għaddew kważi tlett ġimgħat, it-tmexxija tal-lukanda mbarkat immedjatament f’eżerċizzju biex ikunu identifikati l-ispejjeż li ġarrbet il-lukanda b’riżultat tal-attakk fuqha.

Jirriżulta li l-binja nnifisha f’termini ta’ struttura ma ġratilha ebda ħsarat kbar, iżda l-ħsarat imbagħad kienu kawżati mill-bombi sploduti mit-terroristi meta rrealizzaw li ma setgħux jaħarbu mill-forzi tal-ordni.

Dawn il-bombi għamlu ħsarat kbar f’żewġ sulari tal-lukanda u lil hinn minn dan għamlu ħsarat kbar ukoll fil-faċċata tal-binja minħabba li nkiser kważi l-ħġieġ kollu.

It-tmexxija tal-lukanda talbet stimi tal-ħsarat li saru, filwaqt li fl-istess ħin bdiet il-proċess mal-kumpaniji tal-assigurazzjoni dwar l-ispejjeż kbar anki f’partijiet oħra tal-lukanda, fosthom ukoll fid-daħla bl-isplużjoni tal-karozza bomba.

Sorsi fit-tmexxija tal-Corinthia fissru li l-ispejjeż kwotati lilhom jommontaw għal “spiża sostanzjali” ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ewro.

Fil-lukanda qed isiru xogħlijiet ta’ tiswijiet mill-ħsarat li ġarrbet, it-tmexxija tal-lukanda qed tispira li l-lukanda terġa’ tiftaħ il-bibien tagħha fi żmien mhux wisq ‘il bogħod biex hekk terġa’ tinqabad ir-rutina tax-xogħol, aktar u aktar meta ġej l-istaġun tar-rebbiegħa u dak tas-sajf.

Sadattant fi żvilupp ieħor li seħħ fil-jiem li għaddew l-organizzazzjoni Stat Iżlamiku permezz tal-ġurnal elettroniku tagħha reġgħet insistiet li l-attakk maħsub u mwettaq fuq il-lukanda Maltija seħħ proprju minn segwaċi tagħha li attakkaw il-binja u mbagħad splodew lilhom infushom waqt li kienu f’wieħed mis-sulari ta’ fuq tal-istess binja.

Il-Forzi tas-Sirurtà Libjani dwar dan huma xi ftit xettiċi u Omar Khadrawi, il-Kap tas-Sigurtà fi Tripli, aktar kmieni dan ix-xahar stqarr ma’ il-mument li huma għadhom m’humiex ċerti mija fil-mija dwar min hu tassew il-moħħ wara dan l-attakk terroristiku.