Bdiewa qed juru t-tħassib serju li fil-jiem li ġejjin jista’ jkun li jingħata bidu għal żvilupp sostanzjali ta’ bini f’zona pittoreska, kwieta u rurali li tiġi f’Wied Liemu fir-Rabat li hi magħrufa bħala waħda mill-isbaħ xenarji pittoreski b’sistemi ta’ widien fil-gżejjer Maltin.
Wara li numru ta’ persuni tkellmu ma’ l-mument meta żorna l-post kien skopert li din il-binja m’hi ta’ ħadd għajr tas-Segretarju Parlamentari Laburista Ian Borg li xtara, f’żewġ fażijiet, din il-binja.
Persuna anzjana li toqgħod fil-qrib qaltilna li Ian Borg kien xtara dik il-proprjetà, li oriġinarjament kienet razzett, mingħand żewġ persuni differenti mill-istess familja – magħrufa bħala Ta’ Frida – biex issa jista’ jwaqqagħaha u minfloka jibni binja ġdida b’żewġ residenzi mill-isbaħ.
Persuna oħra li tkellmet magħna meta żorna dan il-post qaltilna li dan l-aħħar innutaw vann tal-Korporazzjoni Enemalta b’ħaddiema jagħmlu xogħol ta’ qtugħ tal-elettriku minn ma’ din il-binja mixtrija minn Ian Borg.
Din il-persuna qaltilna li hi tippresumi li dawn ix-xogħlijiet saru bi tħejjija ħalli jkun jista’ jibda x-xogħol ta’ twaqqiegħ tal-istess binja li mbagħad ikun segwit b’xogħlijiet ta’ kostruzzjoni.
L-applikazzjonijiet li saru għall-permessi ma jidhirx li saru minn Ian Borg, iżda minn terzi persuni li fuqhom ħareġ dan il-permess. Fil-fatt inġibditilna l-attenzjoni għal numru ta’ dokumenti ħodor imwaħħla ma’ numru ta’ bricks li tpoġġew ma’ parti mill-perimetru ta’ din il-binja li se titwaqqa’.
Ingħadilna li Ian Borg tella’ dan il-ħajt temporanju biswit din il-binja… “Mhux hu tafux, imma ġew xi ħaddiema ‘suwed’ li għamlu x-xogħol kollu huma,” qaltilna l-persuna anzjana li dawritna mal-post minn barra.
Id-dokumenti ħodor imwaħħla mal-ħajt tal-bricks – huma l-ħruġ tal-permess tal-MEPA għall-iżvilupp li mistenni jsir. Il-permess hu maħruġ fuq ċertu Renald Azzopardi, residenti fiż-Żejtun. In-numru tal-permess hu dak PA/02708/14 u fuqu għandu wkoll id-data tad-9 ta’ Diċembru tal-2014.
Fil-konversazzjoni li kellna ma’ numru ta’ persuni – kemm fuq il-post u anki oħrajn – inġibditilna wkoll l-attenzjoni għall-mistoqsija kif permess bħal dan ma ħariġx fuq is-Segretarju Parlamentari Ian Borg innifsu. “Jekk Ian Borg qiegħed jagħmel kollox bl-aktar mod trasparenti u korrett – kif ħsibna aħna minn dak li qalulna – allura għaliex dan il-ħabi?”
Fl-isfond ta’ dan it-tagħrif ġdid li aħna ksibna, imbarkajna fuq investigazzjoni intensiva dwar il-kronoloġija kollha tal-avvenimenti li wasslu sal-punt li issa din il-binja li fiha valur ta’ konservazzjoni hemm min twebbel li jwaqqagħha ħalli minfloka jagħmel spekulazzjoni fuq żewġ appartamenti.
Jirriżulta li kronoloġikament Ian Borg, wara diversi tentattivi, rnexxielu jikkonkludi u jakkwista b’suċċess dan ir-razzett kollu mingħand żewġ membri tal-istess familja magħrufa bħala Ta’ Frida li parti minnha kellha t-titolu tal-parti ta’ fuq tal-binja, filwaqt li l-parti l-oħra kellha t-titolu tal-parti ta’ isfel tal-istess razzett.
Dan ir-razzett hu magħmul min-numru ta’ kmamar li iżda jgawdi wkoll il-benefiċċju tal-ispazju li sa issa ma kienx mibni.
Darba Ian Borg kellu f’idejh il-kontroll fuq it-titolu komplet ta’ din il-binja – allura fl-ewwel parti tal-2014 – nifhmu li nbdiet il-proċedura biex ikun jista’ jsir l-iżvilupp tal-binja u sar kuntatt mal-Perit Nadia Curmi li għandha l-indirizz perizju tagħha f’Ħ’Attard. Hawnhekk kienu formulati l-pjanti kollha neċessarji u l-applikazzjoni formali jidher li twasslet għand il-MEPA fit-12 ta’ Ġunju tal-2014. Din l-applikazzjoni tgħid li kienu “se jitwaqqgħu strutturi eżistenti fi stat delapitat u mingħajr valur rurali u dan biex jinbnew żewġ binjiet residenzjali”.
//= $special ?>