Omm li għażlet li ma tidentifikax lilha nnifisha u li fil-jiem li għaddew bagħtet lil il-mument kopja ta’ ittra li hija indirizzat ukoll lill-Kummissarju tal-Pulzija, żvelat li hi tinsab tassew imnikkta li rapporti persistenti li saru fl-Għassa tal-Pulizija taż-Żurrieq dwar abbuż ta’ droga, għal xi raġuni waqgħu fuq widnejn torox.
Dan bir-riżultat li mhux talli ma ttieħdu l-ebda passi fil-konfront tal-allegati traffikanti tad-droga, iżda talli l-istess traffikanti jidher li għandhom saħħa u protezzjoni kbira biex jiġġestixxu n-negozju tagħhom tal-bejgħ ta’ droga saħansitra fil-viċinanzi tal-iskola primarja f’Ħal Safi u fejn hemm ukoll il-bandli li jkun frekwentat mit-tfal.
Fl-ittra tagħha l-omm li kitbet qalet li hi għandha tfal li huma fiż-żgħożija u r-raġuni għaliex kienet qed tikteb l-ittra tagħha kien biex il-Kummissarju tal-Puizija attwali – Michael Cassar li fil-karriera tiegħu iġġieled u kellu numru sabiħ ta’ suċċessi fil-konfront tad-droga – jindirizza problema serja ta’ bejgħ ta’ droga minn ħanut tax-xorb fl-inħawi msemmija.
L-omm tgħid li żewġha kemm-il darba rrapporta dawn l-abbużi lill-Pulizija fl-Għassa taż-Żurrieq, iżda għal xi raġuni jew oħra hu ħassu redikolat u setgħu jinnotaw li flok ittieħdu passi, l-abbuż tal-bejgħ tad-droga fl-inħawi indikati żdied flok ġie kontrollat.
L-omm tkompli li fl-aħħar jiem hi ħadet xokk kbir meta f’wieħed mill-bwiet ta’ qalziet li jilbsu wieħed mit-tfal tagħha sabet borża tal-plastik żgħira bi trab abjad fiha.
“Aħna kkonfrontajna lit-tifel u biex naqta’ fil-qasir dan qalilna minn fejn kien xtara d-droga kokaina, min bigħhielu u li f’dan kollu ssemmew ukoll xi pulizija involuti,” tistqarr l-omm fl-ittra tagħha lill-Kummissarju tal-Pulizija u li kopja tagħha għaddietha wkoll lil dan is-sit.
Filwaqt li ssemmi l-isem tat-traffikant indikat lilha minn binha, l-omm tgħid li dan ibigħ id-droga minn ġewwa karozza li hu jipparkja ħdejn il-ħanut partikolari ħdejn skola f’Ħal Safi.
Hi kitbet ukoll li dan l-allegat bejjiegħ tad-droga ta’ spiss jiftaħar li ħadd ma jista’ għalih u li l-pulizija saħansitra jagħtuh protezzjoni!
Fl-istess ittra hi ssemmi kunjom ta’ pulizija partikulari kif ukoll ta’ xi ħadd li jiġi minnu u li hu membru fl-Armata.
Hi tenfasizza li hu għalxejn li jsiru rapporti fl-Għassa tal-Pulizija taż-Żurrieq għaliex dan il-bejjiegħ tad-droga jidher li għandu l-ħbieb hemmhekk li jħalluh jagħmel li jrid.
Hi ttemm l-ittra tagħha lill-Kummissarju tal-Pulizija li kien invista tan-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Pulizija fl-Għassa taż-Żurrieq li hi kellha tirrikorri għand il-media biex twassal il-karba tagħha ħalli forsi l-affarijiet jiċċaqilqu u jittieħdu l-passi li hemm bżonn mill-Pulizija.