Lokali Qorti

Arċipriet u l-Viċi tiegħu akkużati li allegatament ħebbew għal mara

Arċipriet, Viċi Arċipriet u mara, spiċċaw il-Qorti fejn tressqu b’ċitazzjoni fuq inċident li nqala bejniethom lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet. Fil- każ il-mara allegat li l-Arċipriet ħebb għaliha u ta wkoll daqqa filwaqt li l-Viċi Arċipriet insulenta u kompla miegħu. Il-mara sadanittant qed tiġi mixlija li tat fastidju lill-Arċipriet innifsu, u li anke għamlet avvanzi fil-konfront tiegħu.

Dan il-każ kellu jibda jinstema’ t-Tnejn wara nofs inhar quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja, madankollu spiċċa biex ġie differit għas-16 ta’ Marzu li ġej, u dan peress li irriżulta li tliet xhieda mportanti fil-każ ma ġewx imħarrkin, bi żball min-naħa tal-Prosekuzzjoni.
Dan il-punt tqajjem minn l-Avukat Edward Gatt li qed jidher għall-mara. Fil-verbal tiegħu, l-Avukat Gatt qal li kien sorpriż u d-domanda r-raġuni li t-tliet xhieda ma ġewx imħarrkin għas-seduta. Dawn ix-xhieda huma s-Surġent Reuben Saliba, Dr Mark Grech u Dr Alexandra Baldacchino.
Fil-verbal, l-Avukat Gatt qal ukoll li minkejja li huwa minnu li dawn huma proċeduri sommarji, il-mara ma għandhiex issofri preġudizzju minħabba nuqqas li ma huwiex attribwiet lejha.
Min-naħa tiegħu, l-Avukat tal-Arċipriet u tal-Viċi Arċipriet, oppona għat-talba li saret min-naħa tal-Avukat Gatt. Qal li din il-kawża bdiet nhar il-15 ta’ Diċembru li għadda u minn dak inhar sal-lum, ma saritx talba biex jittellgħu aktar xhieda.
Qal li kemm il-darba dawn huma kawżi sommarji għandu jkun hemm prosegwiment tal-kawża. Saħaq li hija l-Prosekuzzjoni li għandha tiddeċiedi min huma x-xhieda tagħha. Qal li jekk dawn ix-xhieda ma tħarrkux, ma għandiex timpinġi fuq id-drittijiet tal-imputati.
Min-naħa tiegħu, f’digriet li ta, il-Maġistrat Aaron Bugeja qal li l-oġġezzjonijiet tal-partijiet f’dan il-każ huma tali, li ikkonvinċew lill-Qorti li biex ma jiġrix kreat aktar dewmien inutli, minħabba appelli ta’ natura teknika u proċedurali, il-Qorti qiegħda f’dan l-istadju tilqa t-talba biex dawn it-tliet xhieda jagħtu x-xhieda tagħhom meta l-kawża għandha tkompli tinstema’ nhar is-16 ta’ Marzu li ġej.