Editorjal

Editorjal: Muscat jittwitja kontra t-terroriżmu, imma ma jagħmel xejn

Il-Prim Ministru Muscat, meta kien mar għal wieħed mill-ewwel summits Ewropej tiegħu, kien qal li mhux se joħroġ mil-laqgħa jekk ma jtuhx li jrid fl-immigrazzjoni. Lanqas biss kienu semmew is-suġġett fil-konklużjonijiet, u xorta ħareġ mill-kamra kutu kutu. Kien eżempju ieħor ta’ politikant li jiddeletta bil-pożi u l-paroli imma ftit li xejn bl-azzjoni, bħall-konferenza stampa kbira ħafna ħafna tar-roħs ta’ 2 cents.

Wiċċ imb’wiċċ mat-terroriżmu fil-qalba tal-kontinent tagħna
Issa l-Prim Ministru għadu kemm attenda summit ieħor Ewropew li sar waqt ġrajjiet fl-Ewropa stess li qed iġibuna wiċċ imb wiċċ mat-terroriżmu fil-qalba tal-kontinent tagħna. F’Pariġi nqatlu 12-il ruħ fl-attakk fuq Charlie Hebdo, attakk fuq il-libertà bażika tal-espressjoni. F’Malta Muscat dritt mar jippoża u jgħid Je suis Charlie.

Attakki fuq il-libertà tal-espressjoni u fuq il-komunità Lhudija fid-Danimarka
F’Copenhagen, ilbiraħtlula stess, saru żewġ attakki fuq diskussjoni dwar il-libertà tal-espressjoni u fuq il-komunità Lhudija. L-Istat Iżlamiku għadu kemm ixxokkja d-dinja b’filmat tal-ħruq makabru ta’ ostaġġ Musulman. U l-kriżi fil-Libja mhijiex qiegħda fil-Lvant Nofsani, fi Franza jew fid-Danimarka – li għal min hu superfiċjali f’Malta jinstemgħu ’l bogħod – imma fuq l-għatba tagħna.

Il-Libja: stat li spiċċa f’kaos u attakki anke fuq interessi Maltin
Il-movimenti tal-Istat Iżlamiku fil-Libja mhumiex ħrafa u l-kaos hemmhekk għadu kemm spiċċa f’attakk fuq interessi Maltin: lukanda ta’ kumpanija Maltija. Il-kriżi fil-Libja – illum stat li ma jeżistix – hi theddida kbira għalina. U l-mexxejja Ewropej dan jagħrfuh u ddikjaraw li jridu jaħdmu aktar kontra t-terroriżmu.

Muscat jgħid li Malta se tagħmel il-parti tagħha
Il-Prim Ministru Taljan Renzi anke qal li l-Italja lesta tindaħal fil-Libja taħt l-awspiċi tal-Ġnus Magħquda. U l-Prim Ministru Muscat dritt ittwitja – għax daż-żmien għall-paroli hawn ħafna mezzi – bit-Taljan ħalli anke jingħoġob ma’ Renzi – li hu jappoġġja dak li qal Renzi u li Malta se tagħmel il-parti tagħha.

Muscat jirrifjuta li jagħmel xi ħaġa
X’tagħmel Malta? Mit-28 Prim Ministru li ltaqgħu fis-summit tal-Unjoni Ewropea, 27 – kollha ħlief wieħed – ingħaqdu fil-koalizzjoni internazzjonali kontra l-Istat Iżlamiku. Wieħed biss irrifjuta: il-Prim Ministru Malti Joseph Muscat. Għax l-importanti r-ritratti, it-tweets, il-paroli biex ningħoġbu, li ngħidu Je suis Charlie, imma meta niġu għall-fatti, il-Prim Ministru tagħna ma jagħmel assolutament xejn.

Id-deċiżjonijiet veri mhumiex ritratti, paroli u tweets
Hu inkwetanti ħafna l-fatt li, bi kriżi kbira wara biebna, u wara dak li għamlet Malta tliet snin ilu b’tifħir mid-dinja kollha, issa għandna Prim Ministru li mingħalih l-iggvernar u d-deċiżjonijiet veri huma serje ta’ ritratti, paroli u tweets kontra l-azzjoni.