Lokali

FILMAT: Il-GWU tipprova tiġġustifika u titfa’ t-tajn

Il-General Workers’ Union qed tipprova tiġġustifika l-ksur ta’ kuntratt meta binja tagħha nkriet lill-kumpanija tal-Gvern, l-ARMS, meta m’għandha l-ebda sehem fiha.

Filfatt il-GWU qed tikser kuntratt li ffirmat hi stess fl-1997 biex iddaħħal il-flus mill-Gvern, billi tikri binja tagħha maġenb il-Kwartieri Ġenerali.

U biex tagħmel dan il-General Workers’ Union iddeċidiet li titfa’ t-tajn fuq il-UĦM, kif jispjega s-Segretarju Ġenerali tal-UĦM Josef Vella.

Kompla li dak li qalgħet il-UĦM fl-aħħar 25 sena minn Gvernijiet preċedenti lanqas biss jibdew ma’ dak li l-GWU qalgħet fl-aħħar 25 xahar taħt Gvern Laburista.

Dwar din il-kwistjoni tkellem ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, għaliex il-GWU ddeċidiet li tattakka anke’ lill-Oppożizzjoni li żvelat dan l-iskandlu.

“Il-poplu qed iħallas il-flus tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma lill-ARMS, biex minflok dawn il-flus qed jispiċċaw għand il-GWU. Lill-GWU qed tħallasha €300,000 fuq medda ta’ ħames snin,” saħaq Simon Busuttil.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni fisser din il-kwistjoni bħala skandlu u sfida lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jgħid meta se jwaqqaf dan l-abbuż minn naħa tal-General Workers’ Union, bil-kompliċita’ tal-Prim Ministru stess.

L-Oppożizzjoni, permezz tax-Shadow Minister Jason Azzopardi u l-kelliem tal-Oppożizzjoni Ryan Callus, diġa’ bagħtet ittra lill-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament, sabiex dan jinvestiga l-allegat każ ta’ ksur ta’ kuntratt pubbliku bejn il-Gvern u l-General Workers Union.

Minbarra dan il-bini, il-GWU qed iddaħħal ukoll madwar miljun ewro fis-sena għal kirja ta’ bini lil Transport Malta fil-Marsa. Dan filwaqt li l-istess GWU tefgħet l-offerti tagħha biex tkun tista’ tiżviluppa l-Yacht Marina ta’ Sa Maison.