Internazzjonali

Ħallelin fuq l-internet jisirqu mal-$1 biljun

Sa 100 bank u istituzzjoni finanzjarja madwar id-dinja sfaw taħt attakk f’serq “mingħajr preċedent” fuq l-internet.

Hekk jiżvela rapport magħmul mill-kumpanija ta’ sigurtà fuq l-internet, Kaspersky Lab, li tistma li mill-2013 s’issa nsterqu madwar $1 biljun (jew €880 miljun) u s-serq għadu jsir minn klikka ta’ kriminali mir-Russja, l-Ukraina u ċ-Ċina.

Kaspersky qed taħdem flimkien mal-Interpol u mal-Europol hekk kif tistma li seħħew attakki fi 30 pajjiż, inkluż f’kumpaniji finanzjarji fir-Russja, l-Istati Uniti, il-Ġermanja, iċ-Ċina, l-Ukraina u l-Kanada.

Skont Kaspersky, il-ħallelin qed jisirqu flus direttament mill-banek u mingħand il-kumpaniji li joffru servizzi finanzjarji mingħajr ma jattakkaw direttament lin-nies komuni. Qed jużaw viruses tal-kompjuter, inkluż malware, biex jaċċessaw u jirrekordjaw l-informazzjoni li għalihom hi utli, inkluż filmati li jidhru fuq l-iskrins tal-ħaddiema tal-kumpaniji li jridu jattakkaw. F’ċertu każijiet, irnexxielhom jittrasferixxu flus mill-kontijiet tal-bank lejn il-kontijiet tagħhom u anke taw struzzjonijiet lill-magni tal-flus kontanti biex jagħtu flus f’ħin stabbilit tal-ġurnata.

Kaspersky tistma li kull serqa f’bank seħħet bejn fi żmien xahrejn sa erba’ xhur u kull darba nsterqu medja ta’ $10 miljun (jew €8.8 miljun). Tiddeskrivihom bħala serqiet li qed isiru b’mod professjonali ħafna u juru li l-ħallelin lesti li jisfruttaw kull vulnerabilità fis-sigurtà tas-sistemi elettroniċi użati mill-banek.

Skont l-awtoritajiet finanzjarji ta’ wħud mill-pajjiżi affettwati, il-banek f’pajjiżhom ġew infurmati bir-rapport ta’ Kaspersky f’Jannar u diġà tejbu s-sistemi ta’ sigurtà elettronika.