Internazzjonali

Il-ġlied fl-Ukrajna jkompli minkejja l-ftehim

Il-battalji bejn il-qawwiet tal-Gvern Ukren u s-separatisti li jridu l-għaqda mar-Russja komplew fl-Ukrajna tal-Lvant, bil-ġlied jidher li infirex meta għaddiet aktar minn ġurnata miż-żmien meta kellu jidħol fis-seħħ l-aħħar ftehim għall-waqfien mill-ġlied.

Kelliema għall-militar Ukren qalu li r-ribelli separatisti wettqu ‘l fuq minn 110 attakk mindu sar effettiv il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied, fis-sigħat bikrin tal-Ħadd. Il-parti kbira tal-attakki seħħew fiz-zona ta’ Debaltseve, iżda l-aħħar rapporti qalu li żbroffa anki l-ġlied qrib il-belt ta’ Mariupol.

Intant, is-separatisti akkużaw lill-Armata tal-Ukrajna b’li qed tibbumbardja l-ajruport ta’ Donetsk. Dan fost rapporti li daħlu fis-seħħ is-sanzjonijiet ġodda kontra r-Russja min-naħa tal-Unjoni Ewropea u fejn intlaqtu 19 il-uffiċjal, ħafna minnhom fiz-zoni ta’ Donetsk u Luhansk (it-tnejn fortizzi tas-separatisti). Il-lista tas-sanzjonijiet tinkludi wkoll lil żewġ viċi-ministri għad-difiża Russi.

Fl-istess ħin, ir-Russja baqgħet tiċħad l-akkużi li qed tixpruna l-inkwiet fl-Ukrajna tal-Lvant u li qed tipprovdi l-armi u r-reinforzi lill-qawwiet separatisti.