Għawdex Lokali Parlament

Il-Ministru għal Għawdex ma jweġibx dwar l-industrija tan-naħal f’Għawdex

L-informazzjoni tibqa’ ma tingħatax wara żewġ mistoqsijiet parlamentari

Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo baqa’ ma jweġibx hu fil-Parlament dwar l-industrija tat-trobbija tan-naħal f’Għawdex, minkejja li sarulu żewġ mistoqsijiet parlamentari.

Ix-Shadow Minister għal Għawdex, Chris Said, staqsa lill-Ministru għal Għawdex jgħid jekk fl-aħħar ġimgħat hu, bħala Ministru għal Għawdex kellux laqgħa ma’ dawk li jrabbu n-naħal f’Għawdex. Chris Said staqsa wkoll li jekk iva, x’kien is-suġġett ta’ din il-laqgħa u min kien preżenti; u jekk kinux mistiedna l-beekeepers kollha Għawdxin.

Staqsa wkoll lill-Ministru Refalo jgħid x’qed jagħmel il-Ministeru għal Għawdex fuq it-tħassib tal-beekeepers Għawdxin dwar l-importazzjoni ta’ ammont kbir ta’ naħal minn pajjiż ieħor li seħħ fl-aħħar ġimgħat; u jekk il-Ministeru għal Għawdex indagax jekk dan hux ser jaffettwa ħażin il-kolonji tan-naħal tal-post.

Għal dawn il-mistoqsijiet, fl-ewwel risposta li ta l-Ministru Refalo kien wieġeb biss li din għandha ssir lill-Ministru kkonċernat.

Meta x-Shadow Minister għal Għawdex staqsa lil liema Ministru tikkonċerna din il-materja – li tolqot direttament lil Għawdex u lill-Għawdxin – il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo din id-darba irriferih għall-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima.

B’dawn ir-risposti, wara żewġ mistoqsijiet parlamentari l-Gvern baqa’ ma tax l-informazzjoni mitluba fuq materja ta’ interess għall-industrija tan-naħal fil-gżira ta’ Għawdex.

Bil-mod kif twieġbu l-mistoqsijiet, il-Ministru għal Għawdex ma wieġeb ebda mistoqsija – lanqas dwar dak li qed jagħmel il-Ministeru tiegħu dwar l-Għawdxin li jrabbu n-naħal.