Applikazzjoni quddiem il-MEPA biex il-belveder tan-Nadur jinqered bil-bini ta’ ħajt għoli li se jagħlaq kull aċċess għall-veduta imprezzabbli tal-fliegu u l-port tal-Imġarr
Beleveder mill-isbaħ fin-Nadur li minnu jitgawda mhux biss il-fliegu bejn il-gżejjer Maltin imma anki x-xenarju tal-Port tal-Imġarr f’Għawdex, jinsab serjament mhedded li jinqered wara deċiżjoni żbaljata tal-Gvern Ċentrali li art esproprijata snin ilu, jerġa’ jirritornaha lis-sidien bil-konsegwenza li hemm min minnhom li jrid jibni ħajt bħala premimetru madwar għelieqi li jinsabu mas-sular ‘l isfel.
Il-Kunsill Lokali tan-Nadur qiegħed jagħmel dak kollu legalment possibbli biex jiġġieled id-deċiżjoni tal-Gvern, l-aktar fl-aspett fejn issa hemm applikazzjoni quddiem il-MEPA biex jittella’ ħajt ta’ madwar 1.8 metri għoli li se jgħatti x-xenarju mill-isbaħ minn dan il-belveder li jinsab fi Triq David Cocco Palmieri.
Ritratt: Parti mill-veduta pittoreska li jkollhom jiċċaħdu minnha l-Għawdxin, Maltin u turisti jekk tkun approvata l-applikazzjoni quddiem il-MEPA
Fil-jiem li għaddew In-Nazzjon investiga rapporti li waslulu minn għadd ta’ Nadurin li wrew ir-rabja tagħhom għad-deċiżjoni żbaljata tal-Gvern Ċentrali Laburista li permezz tagħha, kemm-il darba jitħalla jinbena ħajt għoli, il-belveder mhux se jibqa’ jkun gawdut, anzi minnu jkun jidher biss ħajt għoli.
Jirriżulta li l-kwistjonijiet marbuta ma’ dan il-belveder imorru lura għall-bidu tas-snin tmenin. Madankollu kellu jkun ftit tas-snin ilu li kien żviluppat dan il-belveder meta l-eks-Sindku tan-Nadur Chris Said kien imbarka fuq proġett ambizzjuż li jagħti n-nifs u l-arja lil dawn l-inħawi u nħawi oħra fin-Nadur bl-iżvilupp ta’ numru ta’ ġonna, belveders u playing fields.
Fil-fatt il-Gvern Ċentrali fi żmien l-amministrazzjonijiet preċedenti kien esproprja art bl-iskop li jiżviluppa dan il-belveder. Darba dan il-proċess sar b’suċċess, allura l-Kunsill Lokali tan-Nadur ta bidu għal dan il-proġett li ntlaqa’ tajjeb ħafna min-nies tal-lokal.
Mhux biss imma anki minn ħafna Maltin u turisti li jżuru l-akkwati biex jieħdu ritratti u anki biex igawdu x-xenarju sabiħ li joffri dan il-belveder, fosthom tal-fliegu tal-gżejjer Maltin kif ukoll tal-Port tal-Imġarr.
In-Nadurin kienu laqgħu tajjeb ħafna din l-inizjattiva ta’ dan il-proġett – investiment ta’ eluf ta’ ewro – li fix-xitwa hu sabiħ mod, iżda fir-rebbiegħa u fis-sajf jagħti dimensjoni mod ieħor lil-lokalità.
Tajjeb li jingħad b’mod ċar li fil-mod kif kien żviluppat dan il-proġett, il-Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista kien ħaseb li dan il-belveder ikun gawdut u jibqa’ jitgawda anki matul is-snin ta’ wara.
Għalhekk l-esproprijazzjoni saret ukoll fil-parti ta’ taħt tal-istess belveder biex ikun assigurat li ħadd ma jibni u jostakola x-xenarju li joffri dan il-belveder.
Ħadd ma seta’ jibni u allura b’xi mod jew ieħor jostakola d-dehra… ried ikun assigurat li dan il-belveder ikun salvagwardat.
Meta fl-2013 inbidel il-Gvern mill-ewwel beda jberraq fuq il-futur ta’ dan il-belveder sal-punt li fil-21 ta’ Awwissu tal-2014 il-Gvern irrevoka l-akkwist ta’ strixxa ta’ art ta’ madwar metru wiesa’ li oriġinarjament kienet ittieħdet fit-3 ta’ April tal-2008 u din l-istrixxa ta’ art reġgħet ingħatat lis-sidien oriġinali tagħha. Din ir-revoka ta’ din l-art biex ingħatat lis-sidien tagħha saret mingħajr l-ebda ġustifikazzjoni ħlief biex ikun moqdi canvasser tal-Ministru Anton Refalo.
Dan l-iżvilupp sorprendenti wassal biex issa wieħed mis-sidien qed japplika biex itella’ ħajt u jostakola l-belveder u d-dehra sabiħa li tista’ tkun gawduta sal- lum.
Naturalment kemm-il darba l-MEPA tikkonsidra b’mod pożittiv l-applikazzjoni biex jinbena dan il-ħajt, allura sidien oħrajn ta’ artijiet imissu mal-istess art faċilment jistgħu japplikaw huma wkoll biex itellgħu ħajt u allura l-MEPA tkun kostretta toħroġ il-permessi lilhom ukoll bir-riżultat li dak li llum jista’ jitgawda minn kulħadd ma jibqa’ jitgawda minn ħadd.
Ta’ min jgħid li fil-jiem li għaddew il-Kunsill Lokali tan-Nadur iltaqa’ b’urġenza biex jiddiskuti din il-kwistjoni delikata. Quddiem il-Kunsill tressqet mozzjoni minn Charles Said, is-Sindku tal-Kunsill. Din il-mozzjoni kienet tippreżenta oġġezzjoni għal dan l-iżvilupp ta’ ħajt quddiem il-belveder.
Wara diskussjoni, din il-mozzjoni tas-Sindku sabet l-appoġġ ta’ żewġ membri fil-Kunsill – Rita Mifsud u Eucharist Camilleri li huma eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista. Iż-żewġ kunsilliera Laburisti – Josianne Cutajar u Maria Natoli – ippreferew li għal xi raġuni jew oħra joqogħdu gallarija u jastjenu. Ir-residenti tan-Nadur huma sorpriżi b’dan l-atteġġjament ta’ min suppost ifittex il-veru ġid tal-lokal.
Dwar din il-kwistjoni In-Nazzjon tkellem mas-Sindku Charles Said u talbu jispjega l-oġġezzjoni tal-Kunsill għal dan l-iżvilupp. Hu qal li l-iskop tal-mozzjoni mressqa minnu kien biex ma jintilifx dan l-ispazju pubbliku u jibqa’ jitgawda mir-residenti tan-Nadur, tal-Maltin u t-turisti li jmorru jżuru n-Nadur u l-inħawi.
Hu żied li fil-preżent wara li l-Gvern Ċentrali reġa’ ta din l-istrixxa art lura lis-sidien bil-periklu li jittella’ dan il-ħajt, fir-raħal tan-Nadur hemm rabja kbira mir-residenti li ma jistgħux jifhmu x’wassal lill-Gvern Ċentrali għal tali deċiżjoni, ħlief jekk mhux biex jaġevola lil xi ħadd tal-qalba li ma jrid lil ħadd iħarislu fuq ir-raba’ tiegħu!
Charles Said qal li sadattant il-Kunsill Lokali tan-Nadur se jkompli jagħmel il-pressjoni kollha meħtieġa fuq il-Gvern Ċentrali bl-iskop li ma jintilifx dan l-ispazju pubbliku. Il-Kunsill irid jassigura li anki l-Gvern Ċentrali jfittex il-veru interess tal-lokal u mhux ikollu aġendi moħbija li fl-aħħar mill-aħħar jagħmlu ħsara lil dan il-lokal pittoresk.
Tkellimna wkoll ma’ xi Nadurin u tlabniehom ir-reazzjonijiet tagħhom għall-possibbiltà li dan il-belveder jinqered.
Michael u Rita Camilleri qalu li taħt dan il-belveder, madwar sular ’l isfel, hemm xi raba’ li beda jinħadem minn xi sena ‘l hawn. Issa xi ħadd proprjetarju ta’ xi raba’ minn dan irid li jinbena ħajt għoli u kemm-il darba dan jingħata permess, allura l-belveder tant sabiħ jinqered.
Michael u Rita Camilleri talbu lill-awtoritajiet konċernati biex ma jċedux għall-pressjoni li qed issir fuqhom u ma jitħalliex jinqered dan il-belveder li hu mfittex anki mill-Maltin u mit-turisti.
“Hemm il-veduta tax-xatt u tal-fliegu iżda b’dan il-ħajt għoli se jitgħatta kollox. Din hi ġennata kbira u tajjeb li l-Kunsill Lokali tan-Nadur ikompli jissielet biex ħaġa bħal din ma tiġrix għax kemm-il darba dan il-ħajt jittella’ jkun ta’ ħsara kbira għall-ambjent tal-madwar.”
Tkellimna wkoll ma’ Anthony Camilleri li qal li kien fi żmien meta Chris Said kien is-Sindku tan-Nadur li kien żviluppat dan il-belveder li ta dimensjoni ġdida lin-Nadur. Issa f’daqqa waħda l-art esproprijata fl-interess tal-lokal, reġgħet ingħatat lura lis-sidien tagħha u hemm min minnhom li jrid jibni ħajt mad-dawra bir-riżultat li dan il-belveder jinqered.
Anthony Camilleri qal li l-Kunsill qed jagħmel il-ġlieda tiegħu kontra ħaġa bħal din li ma tagħmilx sens. “Għax qed jgħidu li se jneħħu r-railing tal-ħadid u d-dawl li hemm fl-inħawi biex minflok jinbena ħajt għoli li żgur ikerrah l-ambjent tal-madwar.”
//= $special ?>