Tliet irġiel barranin li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn l-20 u t-28 sena illum tressqu fil-Qorti ta’ Għawdex fuq akkużi relatati mad-droga.
Raġel ta’ 25 sena kien akkużat b’pussess ta’ kokaina u ecstasy. Hu wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u kien ikkundannat sena habs sospiża mill-Maġistrat Paul Coppini.
Raġel ta’ 28 sena kien akkużat bi traffikar u b’pussess ta’ droga ecstasy li nstabet f’ċirkostanzi li jindikaw li d-droga ma’ kienitx għall-użu personali tiegħu. Żagħżugħ ta’ 20 sena kien akkużat bi traffikar tad-droga ecstasy u pussess ta’ ecstasy u pjanta tal-kannabis. Iż-żewġt irġiel wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom. Il-Qorti ordnat li ż-żewġ akkużati jinżammu fil-Ħabs ta’ Kordin.