Il-Partit Nazzjonalista se jorganizza Konferenza Nazzjonali dwar l-Obeżità, li se ssir fl-14 ta’ Marzu li ġej.
Dan ħabbru l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, l-Anzjani u l-Persuni b’Diżabbiltà Robert Cutajar waqt żjara li saret dalgħodu mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil f’Ħal Qormi.
Robert Cutajar qal li din il-Konferenza Nazzjonali tkompli tibni fuq dak li diġà għamlet l-Oppożizzjoni Nazzjonalista. Fakkar kif il-Partit Nazzjonalista kien l-ewwel li mill-Oppożizzjoni ressaq Liġi sħiħa li ġiet approvata mill-Parlament, propju dwar l-Obeżità.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni qal li l-Obeżità hi problema kbira għall-pajjiż, hekk kif il-Gvern qed jonfoq madwar 100,000 ewro kuljum f’servizzi tas-Saħħa marbuta ma’ din il-kundizzjoni.
Il-Konferenza Nazzjonali se tiftaħ bi breakfast ta’ ikel san, u tagħlaq b’ġirja u mixja fil-Park tal-Majjistral. Dan biex jingħata eżempju ta’ ħajja sana. Matul il-Konferenza mistennija jitkellmu numru ta’ Speċjalisti, fosthom il-Professur tal-Qalb Alex Manchè u l-Fiżjoterapista Alan Zammit, il-Psikjatra Anton Grech u l-Ispeċjalista tal-Obeżità fit-Tfal Dr Andrew Decelis.
Mistennija jattendu wkoll il-Professur Claire Gerada, li ilha għal snin twal tgħix fl-Ingilterra u li llum saret waħda mill-Professur ewlenin fir-Renju Unit, kif ukoll il-Fundatriċi tat-“2020 Health” Julia Manning. Din l-organizzazzjoni għandha l-għan li tippromwovi soċjetà sana u li l-ħidma tagħha ngħatat prominenza fuq il-media ewlenija fir-Renju Unit.
Dawk interessati jieħdu sehem f’din il-konferenza nazzjonali jistgħu jibagħtu email fuq maltaobesity2015@gmail.com
//= $special ?>