Internazzjonali

L-aggressur ta’ Kopenhagen ma kienx parti minn entita terroristika ‘akbar’

Il-Prim Ministru tad-Danimarka, Helle Thorning-Schmidt, qalet li l-aggressur li, fi tmiem il-ġimgħa, attakka sinagoga u avveniment dwar l-espressjoni ħielsa f’Copenhagen, ma jidhirx li kien parti minn xi entita ‘akbar’ terroristika’.

Hi kompliet li d-Danimarka għandha toħroġ aktar b’saħħitha u magħquda wara l-attakki li swew il-ħajja ta’ żewġ persuni u fejn sfaw midruba numru ta’ pulizija. Sadanittant, Thorning-Schmidt għamlitha ċara li pajjiżha m’għandux jittollera kwalunkwe attentat kontra d-drittijiet tal-poplu inkella azzjonijiet intiżi biex in-nies jisfaw intimidati.

Intant, il-Pulizija Daniża akkużat żewġ irġiel talli għenu lir-raġel suspettat dwar l-isparaturi tas-Sibt, f’Copenhagen, u li kien identifikat bħala Omar Abdel Hamid El-Hussein. L-irġiel inkwistjoni huma akkużati li pprovdew lil El Hussein bl-arma tan-nar għall-attakki u li ddisponew mill-istess arma. Mifhum li l-istess irġiel għenu wkoll biex l-aggressur jibqa’ moħbi għal perijodu ta’ żmien.

L-aggressur, li kellu 22 sena, qajjem sens ta’ allarm kbir fost id-Daniżi, wara li pprova jidħol bil-forza – fost l-isparar kontinwu – ġo kafeterija fejn kien qed isir l-avveniment favur id-diskors ħieles u fejn inqatel direttur tal-films ta’ 55 sena. El Hussein, imbagħad, fetaħ in-nar fl-inħawi ta’ sinagoga u fejn spiċċa jitlef ħajtu gwardjan.

Omar El-Hussein spiċċa maqtul mill-qawwiet tas-sigurta fis-sigħat bikrin tal-Ħadd u magħruf li kellu rekord kriminali u ‘storja twila ta’ vjolenza’.