Ewropa Internazzjonali Saħħa

Qed tonqos il-popolazzjoni fl-Ewropa

Il-Ministru tas-Saħħa tal-Italja, Beatrice Lorenzin, fissret lil pajjiżha bħala ‘wieħed li qed imut’ waqt li spjegat li t-trabi li qed jitwieldu mhumiex jieħdu post in-nies li qed imutu.
Sadanittant, statistika tindika li l-Italja mhix l-uniku pajjiż li qed jiffaċċja l-fenomenu tat-tnaqqis fil-popolazzjoni hekk kif il-popolazzjoni tal-Ewropa, b’mod ġenerali, qed tiżdied b’rata ferm baxxa.
Lorenzin ħarġet bil-kummenti wara l-aħbar li r-rata tat-twelid fl-Italja (8.4 għal kull 1,000 resident) hi l-aktar baxxa mindu twaqqaf l-istat modern, fl-1861. “Wasalna f’punt li t-trabi li jitwieldu mhumiex jibbilanċaw iċ-ċifri tal-mewt u dan ifisser li l-Italja saret pajjiż li qed imut bil-mod,” sostniet il-Ministru.
Il-pronostiku għall-bqija tal-Ewropa u l-Punent mhux daqstant differenti. Dan b’mod partikulari fl-Ewropa tal-Lvant, fejn it-tagħrif mill-Bank tad-Dinja juri li r-rata tat-twelid, bħala medja, fl-Ewropa ċentrali u l-pajjiżi Baltiċi hi ta’ 12.6 fil-mija għal kull 1,000 ruħ, li tipparaguna b’mod sinifikanti mar-rata tat-twelid ta’ 38 (għal kull 1,000) fir-reġjuni Afrikani taħt id-Deżert Sahara.
Minkejja r-rata tat-tkabbir ta’ 1.2 fil-mija fil-popolazzjoni tad-dinja (skont it-tagħrif min-Nazzjonijiet Uniti mill-2010 u riveduta fl-2012), il-pajjiżi tal-Punent qed jaraw rati tal-popolazzjoni anqas, li s-soltu jkunu taħt l-għaxra fil-mija. Dan meta r-rati tat-twelid huma sostanzjalment anqas meta mqabbla ma’ tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw.
Il-problema mhix waħda ġdida, iżda l-kawżi jibqgħu kwistjoni għal xi pajjiżi Ewropej, fosthom Spanja u l-Greċja. Fl-istess ħin, l-osservaturi jgħidu li r-rati baxxi tat-twelid għandhom x’jaqsmu mal-kriżi ekonomika u l-qgħad għoli, bis-Central Intelligence Agency (CIA) Amerikana twissi li t-tnaqqis fil-popolazzjonijiet f’ċerti nħawi tad-dinja qed jeffettwa s-soċjeta kif ukoll il-politika.