Il-Union tal-Għalliema, l-MUT, iddikjarat kwistjoni industrijali mal-Ministeru tal-Edukazzjoni u se ddaħħal fis-seħħ azzjonijiet industrijali, bl-għalliema fil-gradi kollha fis-Sekondarja tal-Liċeo tas-Subien fil-Ħamrun ordnati jirrapurtaw għax-xogħol siegħa iktar tard mis-soltu nhar il-Ġimgħa li ġej.
Dan wara li inċidenti fuq bażi frekwenti li qed ikunu rrapurtati fl-aħħar xhur f’dan il-Liċeo ma ġewx solvuti mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u d-Direttorati li jaqgħu taħtu, minkejja li l-union ġibdet l-attenzjoni u saru laqgħat.
“L-għalliema f’dan il-Kulleġġ ma’ jistgħux jagħmlu xogħolhom kif suppost, imtellfa minn numru ta’ interruzzjonijiet, theddid u aġir ħażin mill-istudenti,” qalet fi stqarrija l-MUT.
Din is-sitwazzjoni qed taffettwa anke’ lill-istudenti, b’uħud jisfaw vittmi ta’ bullying u qed jitilfu minħabba t-tfixkil tal-lezzjonijiet.
L-MUT qed tipproponi numru ta’ soluzzjonijiet kemm fl-immedjat kif ukoll fit-tul. Fost dawn ġiet proposta modifika tas-sistema’ tal-kulleġġi.
Imma jekk is-sitwazzjoni ma tissolviex, l-MUT mhux teskludi li jkun hemm azzjonijiet industrijali oħra fil-futur qarib.
//= $special ?>