Tallab Rumen ġie lliberat bil-kundizzjoni li ma jwettaqx reat ieħor fi żmien sena wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli li ta fastidju u dejjaq lin-nies bl-atteġġjament tiegħu.
Petrica Balteanu ta’ 56 sena ammetta li wettaq dan ir-reat fil-lokalita’ ta’ Tas-Sliema u li kien qed jitlob flus lin-nies li jkunu għaddejjin għall-affari tagħhom. Dan ir-reat wettqu nhar il-Ħadd li għadda u fil-jiem ta’ qabel u dan peress li f’Malta huwa kontra l-liġi li titallab għal flus, b’mod li tkun qed iddejjaq lin-nies.
L-Ispettur Jason Sultana, li ressaq lir-Rumen, qal fil-Qorti li f’dawn l-aħħar ġimgħat numru ta’ persuni tressqu l-Qorti b’rabta u mixlijin li huma tallaba li qegħdin jagħtu fastidju. Qal li jidher li hemm ċirku ta’ persuni li qed jiġu Malta, fejn meta l-Pulizija neħħiet tnejn, waslu tnejn oħra.
L-Avukat tal-Għajuna Legali Simon Micallef Stafrace deher għar-Rumen.
//= $special ?>