Lokali Qorti

Tmien xhur ħabs wara li kisser il-parapett tal-kunjata

Raġel ta’ 36 sena minn Ħaż-Żebbuġ li għandu problema tal-alkoħol ġie kkundannat tmien xhur ħabs mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit wara li nstab ħati li kisser il-parapett tal-kunjata. Frank Falzon instab ħati li fit-2 ta’ Ottubru li għadda, għall-ħabta tas-2.15 ta’ filgħaxija f’Ħal Qormi, ikkaġuna ħsara fid-dar ta’ Doris Briffa, beżżagħha u taha fastidju.

Huwa nstab ħati wkoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrrest mogħtija mill-Maġistrat Doreen Clarke f’każ ieħor kif ukoll diversi sentenzi tal-Qorti tal-Maġistrati.

Mill-provi rriżulta li Briffa rċeviet telefonata mingħand it-tifla tagħha, mart Frank Falzon, u qaltilha biex ma tmurx id-dar għax żewġha kien qed ifittixha. Skont it-tifla ta’ Briffa, Falzon kien irrabjat għaliha għax ħaseb li kienet marret għand il-‘welfare officer’ biex tirrappurtah.

Doris Briffa marret l-għassa u rritornat lejn id-dar tagħha ma’ numru ta’ pulizija fejn sabet il-parapett imwaqqa’. Hija kienet mgħarrfa wkoll li r-raġel ta’ bintha kien mar ifittixha l-iskola fejn taħdem.

Minkejja li l-mara ħafret lir-raġel ta’ bintha, il-Maġistrat Stafrace Zammit qalet li huwa preokkupanti li r-raġel ma jridx jirriabilita mill-vizzju li għandu u kkundannatu tmien xhur ħabs.

Irriżulta li dan ma kienx l-ewwel każ simili għal Falzon tant li fis-17 ta’ Ġunju 2011 huwa kien tpoġġa fuq probation għal tliet snin mill-Maġistrat Audrey Demicoli wara li ammetta li kkaġuna ħsara fuq il-mejda tal-kunjata fid-dar tagħha.

Fid-19 ta’ April 2005, Falzon kien immultat Lm600 u kellu l-liċenzja tal-kaċċa sospiża għal sena wara li nstab ħati li fis-6 ta’ Diċembru 2003 ikkaġuna offiżi gravi fuq Christopher Azzopardi.

F’dan il-każ irriżulta li fil-jum imsemmi Falzon kien għall-kaċċa fuq il-baħar fil-kumpanija ta’ Azzopardi u missier dan tal-aħħar meta għaddew ħames papri. Azzopardi spara żewġ tiri, imbagħad kien Falzon li beda jispara fejn b’wieħed mit-tiri laqat lill-vittma bil-konsegwenza li tqaċċtitlu biċċa minn widintu u kellu ġrieħi oħra f’rasu minħabba l-ammont ta’ ċomb li ntlaqat bih.