Dan il-Gvern għandu ħabta jċaħħad lill-poplu minn informazzjoni li l-poplu għandu dritt għaliha. Din in-nuqqas ta’ trasparenza tnissel ir-rabja meta n-nies ikunu jixtiequ r-risposti u jibqgħu mingħajrhom. In-nuqqas ta’ trasparenza ġabet ukoll kritika tal-Gvern mill-media bil-ġurnalisti spiss jibgħatu mistoqsijiet u jibqgħu bla tweġiba mingħand l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, l-Ministri u d-Dipartimenti tal-Gvern. Quddiem dan kollu, il-Gvern jagħżel li jibqa’ jwebbes rasu. Mhux l-istess qabel l-elezzjoni ġenerali. Dak iż-żmien id-diskors minn naħa tal-Partit Laburista kien għal kollox differenti. Għal aktar minn darba, Joseph Muscat ta’ qabel l-elezzjoni wiegħed l-aktar Gvern trasparenti fl-istorja ta’ pajjiżna. Wara l-elezzjoni jidher li reġa’ bdielu.
L-għajta li taret mar-riħ
L-għajta tal-meritokrazija kienet imnaqqxa b’ittri kbar fil-manifest elettorali Laburista. Mhux lil min taf, kien jgħid Dr. Muscat, imma kemm taf. Drabi oħra qalilna li tista’ taħdem miegħu anke jekk ma taqbilx miegħu. Kienet wegħda solenni enfasizzata b’fervur minn Muscat ta’ qabel l-elezzjoni. Wara l-elezzjoni jidher li rega’ bdielu. L-impjiegi mhux diffikulta’ għal tal-qalba imma oħrajn, inkluż Laburisti ġenwini li huma kapaċi u kompetenti, baqgħu jittewbu. Meta ndur id-djar tan-nies qed niltaqa’ ma’ dawn il-persuni li jispjegawli li kienu fiduċjużi li Joseph Muscat se jżomm mal-prinċipji li wiegħed. Illum qed iħossuhom delużi. Dawn in-nies qed iduru fuq l-Partit Nazzjonalista u jitolbu li jkun il-vuċi tagħhom kontra l-inġustizzji. Partit fl-Oppożizzjoni għandu ħafna x’jikkontribiwixxi lill-pajjiż. Filwaqt li jkompli jiġġedded il-PN għandu ħidma siewa x’jagħmel biex ikun il-vuċi ta’ dawn il-persuni li jħossuhom bla saħħa quddiem Gvern li l-maġġoranza telgħet għal rasu.
Deficit fis-saħħa
Fiż-żjarat li ta’ kuljum nagħmel fid-djar niltaqa’ ma diversi esperjenzi differenti. Niltaqa’ ma’ stejjer ta’ ferħ u ta’ success imma anke ma’ sitwazzjonijiet diffiċli ħafna. Kull ma jmur qed niltaqa’ dejjem aktar ma’ qraba ta’ anzjani li meta jiġu rikoverati fl-isptar Mater Dei qed jitħallew f’ambjent xejn dekoruż. Fil-media bħalissa qed nisimgħu b’ħafna każijiet ta’ anzjani mixħutin fil-kurituri tal-Isptar Mater Dei. Minnu li jiġu żminijiet fejn l-għafsa fid-domanda fuq l-isptar tkun iktar minn drabi ohra – ħafna drabi staġjonali, iżda dak li hemm nieqes fil-qasam tas-saħħa hi strategija fit-tul. Qed jiltaqa’ ma bosta persuni li jgħiduli li kellhom fiduċja li minn kif kien jitkellem il-Partit Laburista qabel l-elezzjoni kien hemm strateġija ppjanata tajba li kellha ġġib riżultati kif imwiegħed. Illum dawn il-persuni, li spiss jiffrekwentaw is-servizzi tas-saħħa, qed jgħiduli li s-servizz mar lura mhux l-quddiem. Niltaqa’ ma persuni wkol li jirrimarkaw ukoll li l-fatt li dan il-qasam jaqa’ taħt ir-responsabbilta’ ta’ Ministru li hu responsabbli wkoll mill-enerġija – qasam impenjattiv mhux ftit, xejn mhu qed jgħin biex il-qasam tas-saħħa jingħata l-prijorita’ li jixraqlu. Jekk dan huwa l-każ, allura l-Prim Ministru għandu jindirizza dan għax anke hawn il-wegħda ta’ servizzi aħjar tas-saħħa s’issa mhix qed titwettaq.
Daqqa ‘l isfel
L-ekonomija ta’ pajjizna teħtieġ impenn kontinwu biex titwettaq strateġija fit-tul. Filwaqt li xi oqsma għadhom igawdu riżultati pożittivi mhux l-istess jista’ jingħad għal xi negozji żgħar l-iktar għal dawk li jaqilgħu l-għixien tagħhom minn ħanut żgħir li jmexxu huma stess. Dawn familji li jiddependu wkoll minn strateġija effettiva għal ħobża ta’ kuljum tagħhom. Illum stess għadni kemm iltqajt ma’ sid ta’ ħanut li kien qiegħed fuq il-bankina, jistenna li jiġi xi ħadd jixtri, imma l-bejgħ għal ħanut tiegħu huwa fqir. Spjegali li hu Laburist imma ddispjaċut li taħt tmexxija Laburista, il-bejgħ tal-ħanut tiegħu mar lura mhux ‘l quddiem. Spjegali li tilef l-fiduċja fil-politiċi għax kien qed jistenna li jisbaħ jum aħjar mal-ħatra ta’ Joseph Muscat bħala Prim Ministru u mhux sitwazzjoni agħar ta’ bejgħ fil-ħanut tiegħu.
Xejriet inkwetanti
Il-Griegi għadhom kemm tellgħu Gvern mill-aktar xellugi. Qed jiġi mbassar li Spanja, meta jasal il-waqt, se jiġrilha l-istess. Hawn min jiddeskrivi dan bħala kawża ta’ xettiċiżmu dejjem jiżdied fil-mod kif taħdem u taġixxi l-UE permezz tal-istrutturi tagħha. Hemm min jgħid li din hi rabja ta’ popli sħaħ għal mizuri ta’ awsterita’ imposti fuqhom. Ir-realtà tista’ tkun taħlita ta’ raġunijiet. Żgur li l-mexxeja Ewropej jeħtiġilhom jagħrfu jaqraw sew is-sitwazzjoni u jeżaminaw jekk b’għemilhom hux qed iwasslu għal sitwazzjoni li fit-tul jista’ jkollha effetti mill-aktar ħżiena fuq l-ekonomiji tal-istati membri u allura fuq il-bwiet tan-nies, ħobżhom u l-ġejjieni ta’ uliedhom. Is-soluzzjoni mhux awsterita’ izda tkabbir ekonomiku u inċentivi li joħolqu x-xogħol u jkattru l-investiment. Jekk il-politiċi mhumiex se jimxu lejn iċ-ċentru, r-rizultat se jkun xellug jew lemin estrem. Kif jidher li qed jibda jseħħ.
Il-prezz tal-fuel u lil hinn minnu
Fl-aħħar xhur l-Oppożizzjoni talbet li l-Gvern jippublika l-ftehim dwar l-hedging hekk kif hu ċar li qed inħallsu fost l-ogħla prezzijiet tal-fuel fl-Ewropa. S’issa m’hemm l-ebda ftehim ppublikat u l-Gvern qed jwiegħed li se jraħħas il-prezzijiet gradwalment. Sadanittant, hi x’inhi r-raġuni vera għal prezzijiet għolja, in-nies qed tbati l-konsegwenzi tagħha. Lil hinn mill-kontroversja politika hawn il-ħtieġa ta’ diskussjoni dwar għażliet, sostenibbli, fit-tul għal dan is-settur.