Lokali

Aktar tħassib fost il-ħaddiema tal-Enemalta, uħud minnhom offruti xogħol mix-Shop Steward tal-GWU

Il-ħaddiema tal-Enemalta u l-familji tagħhom għaddejjin minn mument xejn feliċi, hekk kif qed jiffaċċjaw inċertezza dwar il-futur tax-xogħol tagħhom. Sostniet dan, ix-Shadow Minister tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Therese Comodini Cachia waqt konferenza tal-aħbarijiet, li matulha spjegat li ħaddiema tal-Enemalta tkellmu mal-Partit Nazzjonalista dwar is-sitwazzjoni.

Ix-Shadow Minister qalet li fl-Enemalta hemm lista ta’ xogħolijiet għand Shop Stewards tal-GWU, li qed jiġu offruti lil xi ħaddiema u mhux lil oħrajn. Dawn ix-xogħolijiet huma ma’ Dipartimenti oħrajn tal-Gvern, b’xi wħud diġà ngħataw xogħolijiet fosthom mal-Uffiċċju tal-President, ma’ Ministeri u f’xi Dipartimenti tal-Gvern.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mix-Shadow Minister għall-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli, li qalet li l-Prim Ministru Joseph Muscat kiser diversi wegħdiet li għamel lill-ħaddiema tal-Enemalta. Spjegat li qabel l-elezzjoni ġenerali, il-Prim Ministru kien wiegħed li l-Enemalta mhux se tiġi pprivatizzata, iżda din il-wegħda nkisret bil-kuntratt maċ-Ċinizi.

Muscat wiegħed ukoll li t-take home pay tal-ħaddiema se tibqa’ l-istess, iżda anke din il-wegħda qed tinkiser, hekk kif il-ħaddiema ma jafux x’se jkunu l-kundizzjonijiet u l-futur tax-xogħol tagħhom. Saħqet li l-ħaddiema li qed jesprimu t-tħassib tagħhom mal-Partit Nazzjonalista ġejjin minn diversi oqsma tal-Enemalta, inklużi ħaddiema li jaħdmu l-Marsa u ħaddiema li jaħdmu fl-Impjant tal-BWSC.