Malta kienet l-isfond għall-music video divertenti tal-grupp Ingliż Out of the Blue, li nġibed f’Jannar li għadda fuq inizjattiva ta’ British Airways bil-għan li tħajjar lill-Ingliżi jibbukkjaw btala għas-sajf li ġej.
Il-filmat inġibed bl-għajnuna tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu u tal-lukanda Corinthia San Ġorġ li flimkien mal-Imdina u l-bajja ta’ Għajn Tuffieħa, huma l-isfond tax-xeni mimlija xemx u divertiment assoċjat ma’ btala.
Out of the Blue hu grupp ta’ studenti maskili tal-Università ta’ Oxford, li jkanta a cappella. Dan il-music video sar għal re-make tad-diska “Club Tropicana” li kienet popolari fis-snin Tmenin meta ħarġuha l-grupp Wham.
Minn meta twaqqaf fis-sena 2000, il-grupp kellu diversi suċċessi fir-Renju Unit u f’diversi pajjiżi oħra fosthom bil-cover version tad-diska “All I want for Christmas” ta’ Mariah Carey u ta’ “Rather Be” ta’ Clean Bandit. Il-music video tagħhom tal-verżjoni tagħhom ta’ “Hips Don’t Lie” ta’ Shakira fuq YouTube rawh iktar minn ħames miljun persuna.
Il-filmat tad-diska f’Malta bħalissa qed jintwera fuq Sky News, f’diversi siti internet ta’ gazzetti Ingliżi, fuq il-midja soċjali u anke fuq it-titjiriet kollha twal tal-British Airways.
Bħalissa hu żmien tajjeb ħafna għas-settur turistiku peress li ħafna Ingliżi jkunu qed ifittxu fejn se jibbukkjaw il-btala tagħhom għas-sajf li ġej.
//= $special ?>