Lokali

Fuq l-għatba tar-Randan 2015

Filwaqt li l-istennija għall-Arċisqof il-ġdid għadha in vigore, fil-Pastorali għar-Randan 2015, l-Isqof Charles Scicluna, l-Amministratur Appostoliku ta’ Malta, iwassal messaġġi ċara marbuta mas-sawm u jitkellem dwar l-istennija, l-antiċipazzjoni, il-wens u l-maħfra.

Dwar l-istennija u l-miġja ta’ Arċisqof ġdid jgħidlna b’mod dirett li jeħtieġ li “t-talba tagħna u l-istennija tagħna tkun stennija ta’ distakk matur, li jwassalna biex nemmnu li, jiġi min jiġi, huwa don tal-Mulej u aħna nilqgħuh.”

Dwar l-antiċipazzjoni ta’ Arċisqof ġdid ukoll ikun dirett… “L-ewwelnett, minn issa, mingħajr ma nafu min hu l-Arċisqof il-ġdid hemm bżonn li nħejju ruħna b’atteġġjament pożittiv lejn min se jkun ir-ragħaj tagħna…

“Jien nista’ nħares lejn min ikun magħżul u ngħid ‘ma tantx jogħġobni’, jew ‘ma tantx jinżilli’, imma l-fidi matura tiegħi ġġegħelni nħares lejh u ngħid ‘Kristu qiegħed ikellimni permezz tiegħu, Kristu qiegħed imexxini permezz tiegħu, għaliex Kristu huwa r-Ragħaj’… Ikun min ikun l-Arċisqof tiegħi jiena nħares lejn Kristu, għax hu dak li jmexxini u jiggwidani.”

Dwar l-aspett tal-wens, fil-Pastorali l-Isqof Scicluna b’umiltà jistqarr li “M’aħniex il-Knisja tal-perfetti, u r-Randan ifakkarna proprju f’din il-ħaġa. Waqt li nisimgħu l-Kelma ta’ Alla u nippreparaw ruħna biex inġeddu l-wegħdiet tal-Magħmudija, niftakru li aħna midjunin mal-ħniena t’Alla u għandna bżonn min jilqagħna.”

L-aħħar aspett li jiffigura f’din il-Pastorali hi l-maħfra u anki hawn l-Isqof Scicluna jistqarr li “Vizzju li hu drawwa ħażina fil-ħajja tiegħi nirbħu biss billi nbiddlu b’għażliet aħjar; drawwa ħażina tkeċċiha ‘l barra bi drawwiet tajbin. Tirbaħ il-ħażin bit-tajjeb!

“Il-maħfra tfisser ukoll li min jagħmilli l-ħsara mhux se npattihielu, għax jekk nagħmel hekk ma nkunx qed nirbaħ il-ħażin bit-tajjeb, iżda nkun qed nidħol f’ċirku vizzjuż ta’ tpattija u forsi anke vjolenza li tiġġenera iżjed tpattija u vjolenza.”

Arkivjat il-Karnival 2015
Sempliċiment nota ċkejkna ta’ proset kbira lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor kellhom x’jaqsmu mal-Karnival 2015 sia f’Malta, sia f’Għawdex u sia f’lokalitajiet oħra bħalma hu n-Nadur.

Kull sena naraw spettaklu ta’ kuluri, mużika, xogħol artistiku, karrijiet mill-isbaħ, kostumi fantastiċi, sfilati li jżommuk imsaħħar issegwi… insomma spettaklu li jkun ilu jinħema b’sagrifiċċju kbir għal bosta xhur u mbagħad javvera ruħu taħt it-theddida tat-temp li bħal donnu f’dan iż-żmien tas-sena jagħmel minn kollox biex ma jaħfiriex lill-Karnival.

Persważ li wara kull inizjattiva marbuta mal-Karnival hemm sigħat twal ta’ xogħol b’impenn u dedikazzjoni b’imħabba kbira. Nosserva li l-ġenerazzjoni adulta tkompli tgħaddi u trawwem din l-imħabba lejn il-Karnival fost ġenerazzjonijiet iżgħar.

U hemm qiegħed is-sabiħ tal-Karnival Malti – taħlita ta’ nies b’esperjenza u oħrajn mimlija b’entużjażmu, tiżwieqa ta’ nies artistiċi u oħrajn tekniċi li mbagħad flimkien joħroġ ir-riżultat impekkabbli aħħari.

Jalla fl-aħħar pajjiżna jkollu hu wkoll il-Villaġġ tal-Karnival li dejjem jiġi mwiegħed iżda qatt ma jsir realtà. Kważi kważi nasal nissuġġerixxi li dawk il-karrijiet maestużi u uniċi għandu ‘jixtrihom’ l-Istat biex imbagħad jiżviluppa villaġġ li fih innifsu jkun destinazzjoni u attrazzjoni mhux biss għalina l-Maltin u l-Għawdxin, imma anki għal skop turistiku.

Nifhmu li dawn huma affarijiet li jridu ħafna ħsieb u ħafna investiment, imma nemmen qatigħ li inizjattivi bħal dawn ikomplu jkabbru l-prodott Malti kemm għal skop ta’ turiżmu, kemm bħala attrazzjoni ġdida, kif ukoll bħala rikonoxximent lid-dilettanti tax-xogħol artistiku mill-aqwa li qed jipproduċu.

Għax m’hix ħasra li tant karrijiet sbieħ ġganteski u tant kostumi jispiċċaw jitkissru jew jitqattgħu! Meta bi ftit briga ħafna minn dawn l-inizjattivi jistgħu jinżammu biex jitgawdew f’aktar tul. U hekk ftit ftit pajjiżna jkun qiegħed jibni patrimonju ġdid li flimkien mal-istorja rikka tal-Karnival – liema storja diġà għandna u li tmur lura għal żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann – tista’ tkun ta’ valur miżjud ieħor għal pajjiżna.