Il-qawwiet tal-Gvern Ukren u s-separatisti favur ir-Russja komplew jiġġieldu fil-Lvant tal-Ukrajna, bil-kumbattimenti jikkonċentraw madwar l-inħawi ta’ Debaltseve.
Dan meta ftit qed jidher effettiv il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied li daħal fis-seħħ ‘uffiċjalment’ nhar il-Ħadd, bl-osservaturi internazzjonali ma jistgħux jidħlu fl-inħawi ta’ Debaltseve.
Ir-ribelli separatisti li jridu l-għaqda mar-Russja qalu li ħatfu diversi zoni ta’ Debaltseve, iżda l-Gvern Ukren qal li l-qawwiet tiegħu għadhom jirreżistu fl-inħawi.Sadanittant, l-Armata tal-Ukrajna u s-separatisti ma rtirawx l-armamenti kbar tagħhom mill-inħawi minkejja l-ultimatum li skada nhar it-Tnejn.
Il-Gvern tal-Ukrajna anki ċaħad li ‘ċedew l-għexieren tat-truppi Ukreni’ f’Debaltseve, iżda ammetta li l-ġlied fl-inħawi kien ‘intensiv’ u li r-ribelli ‘kienu qed jattakkaw’ l-istazzjon tal-ferrovija taz-zona.
Rapporti oħra qalu wkoll li r-ribelli separatisti offrew opportunita lit-truppi Ukreni taħt assedju f’Debaltseve biex jirtiraw ‘taħt sigurta’ minn rotta indikata.
//= $special ?>