Internazzjonali

AĠĠORNATA: Il-Greċja ssejjaħ għall-vot biex ixxolji mill-awsterita’

Il-Gvern ġdid fil-Greċja sejjaħ għall-vot li għandu jsir nhar il-Ġimgħa biex il-pajjiż ixolji l-programm tal-awsterita’ li ilu jxekklu għal dawn l-aħħar snin.

Il-vot għandu jittieħed fl-istess jum li ż-Żona Ewro iddikjarat deadline għall-isforzi tal-Greċja biex jerġgħu jinnegozjaw il-pakkett tad-djun.

Il-Prim Ministru Grieg Alexis Tsipras sejjaħ biex il-Parlament jivvota rigward l-abbozzi għar-riforma soċjali li jmorru kontra l-kundizzjonijiet tal-programm tal-awsterita’. Fl-istess ħin, Tsipras qal li pajjiżu mhux se jċedi għar-rikatt psikoloġiku.

Il-Greċja trid li tidħol għal pakkett ġdid ta’ self minflok il-bail-out u qed tgħid li l-impenn partikolari għandu jagħtiha iktar żmien biex issib soluzzjoni permanenti għall-kriżi tad-dejn.

Madankollu l-pajjiżi taż-Żona Ewro ċaħdu dan u taw lill-Greċja sa nhar il-Ġimgħa biex tiddeċiedi jekk tridx tkompli bil-programm tal-bail-out.

Sadanittant, il-Greċja tista’ tispiċċa mingħajr flus jekk, kemm il-darba, ma jintlaħaqx ftehim.

Iktar kmieni…

Il-Ministru tal-Finanzi Grieg, Yanis Varoufakis, hu dispost li jistinka għal ftehim dwar il-bailout tal-Greċja, biż-żmien qed jagħfas meta t-taħditiet kruċjali għall-futur tal-pajjiż fadlilhom biss ‘il-ġranet’.

Il-Ministri tal-Finanzi Ewropej ma laħqux ftehim ġdid għar-ristrutturizzazzjoni tad-djun ta’ Ateni, bil-Greċja, fil-lejl tat-Tnejn, tiċħad il-pjan għall-estensjoni tal-bailout ekwivalenti għal 240 biljun ewro.

Intant, wara l-protesti inizjali, il-Ministru Varoufakis qal li hu lest biex jaqbel dwar ftehim taħt kundizzjonijiet differenti.

Il-Ministru għall-Finanzi Olandiż, Jeroen Dijsselbloem – li hu anki ċ-chairman tal-laqgħat tal-Eurogroup għall-Ministri tal-Finanzi taz-zona ewro – wissa li l-Greċja għandha tiddeċiedi l-pass li jmiss. Dan meta l-bailout attwali ta’ Ateni jiskadi fit-28 ta’ Frar u bil-Greċja tista’ tispiċċa mingħajr flus jekk kemm il-darba ma jintlaħaqx ftehim.