Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet li jfakkru l-200 sena mit-twelid ta’ San Ġwann Bosco, patrun taż-żgħażagħ, l-Oratorju Don Bosco ta’ Għawdex se jorganizza għall-ewwel darba l-“Gozo Christian Music Festival”, żewġ weekends ta’ Mużika Kristjana minn kantanti, bands u korijiet gospel minn Malta u minn Għawdex.
Għalkemm il-Mużika Sagra minn dejjem kienet assoċjata ma’ servizzi fil-knejjes jew ma’ korijiet parrokkjali, il-Mużika Kristjana hi ġeneru pjuttost ġdid ta’ mużika, għalkemm hija bażata u ispirata mit-tradizzjonijiet u twemmin reliġjuż. Il-popolarita’ tal-Mużika Kristjana, speċjalment fl-Istati Uniti u fl-Ewropa dejjem qiegħda tikber. Il-Mużika Kristjana tinkludi mużika pop, country, rock u tipi oħra ta’ mużika moderna li tappella lill-pubbliku ġenerali, imma li tkun bażata fuq lirika kristjana jew ta’ ispirazzjoni nisranija.
F’ħafna pajjiżi fl-aħħar snin qegħdin jiġu organizzati diversi festivals ta’ Mużika Kristjana. F’Malta, l-interess fil-Mużika Kristjana qiegħed ukoll jiżdied sostanzjalment. F’pajjiżna llum għandna diversi bands, gruppi, korijiet u kantanti li qegħdin jispeċjalizzaw f’dan il-ġeneru ta’ mużika.
Issa wkoll, grazzi għall-Oratorju Don Bosco ta’ Għawdex, f’kollaborazzjoni mal-Programm LEADER tal-Unjoni Ewropea, issa se jkollna l-Christian Music Festival nazzjonali tagħna. U dan jikkumplimenta sew man-niċċa tat-turiżmu reliġjuż li kienet identifikata għal Għawdex.
Mifrux fuq ġimgħa (jinkludi żewġ weekends), il-Gozo Christian Music Festival se jkun organizzat bejn il-Ġimgħa 27 ta’ Frar u s-Sibt 7 ta’ Marzu. Il-Lejla tal-Ftuħ tal-Festival nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Frar, se tkun dedikata speċjalment liż-żgħażagħ. Imsejħa “The Jesus Experience”, l-ewwel serata se tkun qed tippreżenta fost l-oħrajn il-bands “Rise” minn Malta u “Light” minn Għawdex. L-għada s-Sibt, se jkun organizzat il-Christian Song and Singers Festival. Din hija show għall-familja kollha li se tinkludi diversi kantanti, fosthom Mario Caruana, kif ukoll kunċert mill-kor gospel Malti “The Joy Gospel Singers”.
Fit-tieni weekend tal-Gozo Christian Music Festival se tkun organizzata serata msejħa Christian Bands in Concert nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Marzu. F’din is-serata se jdoqqu l-bands minn Malta “Footprints” u “Eversity” filwaqt li se jkollna l-band “Strait Ahead” minn Għawdex. Imbagħad l-aħħar serata tal-Gozo Christian Music Festival se jkun kunċert mill- “Animae Gospel Choir” magħmul minn ħafna kantanti stabbiliti Maltin.
Il-kunċerti kollha se jsiru fit-Teatru tal-Oratorju Don Bosco u jibdew fis-7.30pm. Kulħadd huwa mistieden. Id-dħul huwa b’xejn għas-serati kollha.
Il-Gozo Christian Music Festival qed isir grazzi għall-Programm Leader tal-Unjoni Ewropea u fil-fatt huwa proġett parzjalment finanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali 2007-2013.
//= $special ?>