Ir-rakkomandazzjoni lill-Bord tal-MEPA hi li l-proġett ikun rifjutat meta l-istudju dwar l-impatt ambjentali ma tlestiex
Id-Deputat Nazzjonalista George Pullicino staqsa lill-Gvern jispjega x’hemm wara d-deċiżjoni tal-Gvern li jarmi l-applikazzjoni għal Off-Shore Wind Farm fuq is-Sikka l-Bajda hekk kif ir-rakkomandazzjoni hi li l-Bord tal-MEPA jirrifjuta dan il-proġett.
Meta tkellem fil-Parlament fil-ħin tal-Aġġornament, George Pullicino staqsa kif pajjiżna se jilħaq il-mira li sal-2020, 10% tal-enerġija li tikkonsma Malta trid tkun nadifa.
Filwaqt li appella lill-Gvern ikompli bl-istudju dwar l-impatt ambjentali, staqsa wkoll jekk kienx hemm direzzjoni politika lill-MEPA biex jitwaqqaf il-proġett tal-wind farm fis-Sikka l-Bajda.
George Pullicino qal li nhar il-Ħamis, il-Bord tal-MEPA se jiddiskuti l-applikazzjoni PA/01821/09 tal-Off-Shore Wind Farm fuq is-Sikka l-Bajda, u r-rakkomandazzjoni hija li l-Bord jirrifjuta l-applikazzjoni.
Fisser bħala stramba kif id-Direttorat qed jirrakkomanda li l-applikazzjoni tkun rifjutata meta fl-istess rapport jingħad li l-istudju dwar l-impatt ambjentali ma tlestiex.
Fakkar li fl-2008 kien twaqqaf kumitat biex jghid fejn l-aħjar ikunu nstallati turbini, u s-Sikka l-Bajda kienet intgħażlet wara studji preliminari li saru minn tim tekniku.
Kien installat ukoll monitoring station fl-Aħrax tal-Mellieħa, biex tinġabar id-data u anke beda l-proċess tal-istudju dwar l-impatt ambjentali. Id-data kienet uriet li għandna riħ biżżejjed biex jagħmel dawn it-turbini teknikament vijabbli.
Semma wkoll kif l-istudju kien ikkonkluda li tkun installata turbina fuq is-Sikka l-Bajda biex jiġi studjat l-impatt li dawn jista’ jkollhom fuq l-għasafar, magħrufa bħala shearwaters li jbejtu fuq l-irdum tal-Madonna, kważi tliet kilometri bogħod mis-Sikka l-Bajda. Gvern preċedent kien anke applika biex jinkisbu fondi Ewropej għal din it-turbina.
L-għan aħħari tal-proġett kien li fuq dik is-Sikka l-wind farm jagħti madwar 100 MW ta’ enerġija mir-riħ, u nipproduċu mal-40% ta’ enerġija nadifa li l-UE titlob li Malta jkollha sa ħames snin oħra. Jekk il-proġett ikun vijabbli allura kien mistenni li jsir investiment ta’ madwar €300 miljun mis-settur privat.
Kien ikkalkulat li fuq is-Sikka l-Bajda jitqiegħdu bejn 18 u 20 turbina, b’kull turbina tiġġenera mal-5 MW, b’total ta’ bejn 90 u 100 MW.
Filwaqt li appella lill-Gvern jgħid kif se jilħaq l-10% ta’ enerġija nadifa sal-2020, George Pullicino rrimarka wkoll li sal-lum għadna nistennew ir-Reviżjoni tan-National Renewable Energy Policy, liema policy l-Ministru Konrad Mizzi kien qal li se jlesti sa Settembru 2013.
Appella wkoll lill-Gvern ma jarmix il-ħiliet li hemm fl-Università ta’ Malta fejn hemm uħud mill-aqwa speċjalisti Ewropej fil-qasam tal-enerġija mir-riħ, bil-Gvern m’għamel ebda konsultazzjoni magħhom u mal-istudenti tajbin li hemm fil-fakultà.
Staqsa wkoll għalfejn il-Gvern qed jibqa’ jippersisti li jaħdem b’fossil fuels, inkluż l-LNG, u mhux qed iħares lejn sorsi t’enerġija nodfa u li jiġġeddu.
//= $special ?>