Internazzjonali

Il-kundizzjonijiet saru ‘ddisprati’ għall-immigranti f’Lampedusa

L-Uffiċjali Taljani f’Lampedusa qalu li l-kundizzjonijiet fiċ-ċentru lokali li qed jilqa’ l-immigranti saru tassew ‘iddisprati’. Dan meta n-numru tal-immigranti residenti hemmhekk hu erba’ darbiet akbar mill-ammont li jiflaħ iċ-ċentru.

Iċ-ċentru ta’ Lampedusa, fil-preżent, qed iżomm ftit aktar minn 1,000 irġiel, tfal u nisa, meta, min-nhar is-Sibt ‘il hawn, kienu salvati xi 2,700 immigrant mill-Mediterran. L-informazzjoni pprovdietha l-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR).

Fis-sigħat li ġejjin, mistenni li l-awtoritajiet f’Lampedusa jirċievu aktar dgħajjes mgħobbijin bl-immigranti, bl-influss qed iżid il-pressjoni għaċ-ċentru diġa ffullat bl-irġiel, in-nisa u t-tfal.