Kummerċ

Il-lukandi ta’ IHI plc b’sena rekord fl-2014

Il-lukandi Corinthia li huma propjetà ta’, u mmexxija minn, International Hotel Investments plc (IHI), kellhom sena rekord fl-2014.

Eskluż il-lukanda ta’ Tripli u ta’ San Pietruburgu, fejn seħħew avvenimenti ta’ forza maġġuri matul is-sena li għaddiet, il-kumpanija rreġistrat żieda ta’ 34% fil-Profitt Gross, li jikkalkula d-differenza bejn id-dħul mill-bejgħ u l-ispiża ta’ dak li jkun inbiegħ, fil-lukandi mmexxija kompletament minnha.

Fuq bażi perċentwali, il-lukanda Corinthia Hotel St George’s Bay żiedet il-profitt tagħha fuq bażi ta’ sena b’90%, waqt li l-Corinthia Hotel Prague fir-Repubblika Ċeka żiedet il-profit tagħha bi 43%. Il-Corinthia Hotel Marina żiedet il-profitt tagħha b’36%, dik f’Liżbona b’31% u dik f’Budapest bi 17%.

L-iktar lukanda li ħalliet qliegħ s’issa kienet il-lukanda Corinthia f’Londra, li 50% tagħha hi ta’ IHI. Din il-lukanda kompliet issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fost l-iktar lukandi ta’ lussu f’Londra.

Ir-riżultati ferm pożittivi ta’ dawn il-lukandi patta għat-tnaqqis fix-xogħol fil-lukanda fi Tripli u f’dik ta’ San Pietruburgu għalkemm iċ-ċentri kummerċjali li għandhom dawn il-lukandi komplew jiġġeneraw dħul sostanzjali mill-kera tal-propjetà tagħhom.

Matul l-2014, IHI plc qed tistenna li jkollha Profitt Gross kkonsolidat ta’ €36.2 miljun waqt li d-dħul mill-kera ta’ propjetà fi Tripli u f’San Pietruburgu mistenni jkun ta’ €9.4 miljun.

Il-kumpanija, fi stqarrija, qalet li l-fatt li naqqset id-dipendenza tagħha fuq żona ġeografika waħda għenha biex issaħħaħ il-pożizzjoni finanzjarja tagħha minkejja s-sitwazzjonijiet ta’ forzi maġġuri f’ċerti investimenti tagħha.

Waqt li fl-2009, 66% tal-profitt tal-kumpanija kien ġej mil-lukanda fi Tripli, fl-2014 ebda investiment tagħha ma qabeż is-sehem ta’ 17%.

Dwar il-lukanda ta’ Tripli, li sfat fil-mira ta’ attakk terroristiku x-xahar li għadda, IHI qalet li bħalissa għaddej xogħol ta’ tiswija tal-ħsara li saret waqt li ċ-ċentru kummerċjali ta’ magħha baqa’ jaħdem u jiġġenera dħul. Fl-istess ħin, il-kumpanija rreferiet għal dak li seħħ bħala “traġiku” u faħħret lill-ħaddiema tagħha li mxew b’kalma li salvat lin-nies. Qalet ukoll li ħadd mill-ħaddiema ta’ IHI ma weġġgħu jew inqatlu.

Iċ-Chairman ta’ IHI, Alfred Pisani, qal li l-grupp qed iħares lejn l-2015 bħala sena oħra pożittiva fejn il-kumpanija tibqa’ tiffoka fuq il-miri tagħha.