Il-Partit Nazzjonalista kkundanna kummenti li għadda fuq Twitter Glenn Bedingfield, l-Assistent Personali tal-Prim Ministru Joseph Muscat, li fihom għadda kummenti diskriminatorji kontra r-Reliġjon Iżlamika.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-fatt li wieħed iqabbel kitba tar-Reliġjon Iżlamika man-Nazi hi xi ħaġa insolenti, wisq aktar jekk wieħed jirreferi għan-Nazi bħala xi ħaġa aktar moderata mill-Iżlam.
Is-sitwazzjoni attwali għal dak li għandu x’jaqsam mat-terroriżmu marbut mar-reliġjon hi delikata biżżejjed, tant li kummenti bħal dawn li għadda l-Assistent ta’ Muscat żgur li ma jgħinux.
Il-Partit Nazzjonalista qal li Joseph Muscat għandu jgħid jekk jaqbilx ma’ dak li jemmen l-Assistent tiegħu jew le.
Jekk le, il-Prim Ministru għandu jieħu azzjoni fil-konfront ta’ Glenn Bedingfield u mhux iħalli kollox għaddej qisu xejn mhu xejn f’każ bħal dan, temmet tgħid l-istqarrija.
Aġġornament: Glenn Bedingfield jitlob apoloġija, iżda jħalli t-tweet oriġinali
3.30pm: Fi tweet oħra, ftit tal-ħin wara l-istqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista, Glenn Bedingfield talab apoloġija għall-kumment razzist li għamel kontra l-Musulmani. B’mod partikolari, sellem lil dawk il-Musulmani li m’għandhomx jiġu assoċjati ma’ kwalunkwe azzjoni terroristika.
Madankollu, u minkejja din it-tweet ta’ apoloġija, l-Assistent tal-Prim Ministru ħalla l-kumment oriġinali tiegħu jidher fil-profil fuq Twitter. Ir-ritratt ta’ isfel juri ż-żewġ tweets ta’ Bedingfield, kif jidhru fil-prodil tiegħu waqt li qed tiġi aġġornata din l-istorja.
//= $special ?>