Lokali

Il-UĦM tgiddeb stqarrija ta’ Konrad Mizzi

Il-Unjin Ħaddiema Magħqudin kellha kliem iebes għall-istqarrija tal-gvern, maħruġa mill-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa, immexxi mill-Ministru Konrad Mizzi.

F’kollegament telefoniku waqt il-programm Newsfeed fuq NET TV, is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM, Josef Vella, qal li fl-istqarrija tal-Gvern hemm miktub li l-kundizzjonijiet tal-impjegati se jiġu rispettati. U dan meta hemm ħaddiema li qed jitilfu eluf ta’ ewro mis-salarju annwali tagħhom minħabba is-sitwazzjoni preżenti. Josef Vella ikkwota każ ta’ ħaddiem li tilef €7000 fis-sena minħabba dan it-tibdil, b’tnaqqis fl-overtime u fatturi oħra tax-xogħol tiegħu.

Josef Vella irrefera wkoll għas-sentenzja fl-istqarrija tal-Ministeru li tgħid li l-Gvern bħalissa qed jagħmel diskussjonijiet kontinwi mal-Unjins, xi ħaġa li l-UĦM ċaħdet b’mod mill-aktar ċar. Filfatt, Josef Vella qal li, kontrarju għall-istqarrija, kellha tkun il-UĦM li tavviċina l-Gvern għad-diskussjoni. U s’issa, għadhom ma rċevewx tweġiba mingħand il-Ministru.

Josef Vella xeħet ukoll dawl fuq il-fatt li, kuntrarju għal dak li jingħad fl-istqarrija tal-Gvern, fejn hemm miktub li se jinħolqu opportunitajiet ġodda għall-ħaddiema, jidher li dawn l-opportunitajiet mhux qed jingħataw permezz tal-Gvern, imma permezz ta’ membri tal-GWU, li qed iżuru lill-ħaddiema huma stess, b’listi ta’ xogħol li l-ħaddiema jistgħu jagħżlu.