Futbol Sport

Imut l-eks Referee Malti Joe Cassar Naudi

Tħabbret il-mewt ta’ Joe Cassar Naudi, l-ewwel Referee internazzjonali Malti tal-futbol, li kellu karriera ta’ 70 sena mifruxa fir-refereeing bejn l-1945 u l-2014. Spiċċa din il-karriera jokkupa l-kariga ta’ Deputat Chairman fil-Kumitat tar-Referees. Hu miet fid-dar tiegħu fl-età ta’ 89 sena.

Fl-1945, meta l-futbol f’Malta kien għadu kkontrollat minn Referees tas-Servizzi Ingliżi, Cassar Naudi kien ikkwalifika bħala Referee tat-Tielet Klassi, iżda fi tliet snin biss laħaq l-ogħla livell ta’ refereeing. L-ewwel logħba kbira tiegħu kienet il-Kwarti Finali mill-FA Trophy bejn Valletta u Ħamrun Spartans, li fiha ħareġ bl-unuri kollha.

Hu malajr stabilixxa ruħu bħala wieħed mill-aqwa Referees f’Malta u kien popolari kemm mal-folla, kif ukoll mal-kollegi tiegħu. Fl-1951, kien elett Segretarju tal-Malta Referees Association u baqa’ jokkupa din il-kariga sal-1956, meta mbagħad kien elett President.

Matul l-1958, Cassar Naudi kien qed jattendi kors tal-Gvern dwar il-kura tat-tfal u l-probation fir-Renju Unit. Kemm dam hemm, hu sar membru tal-Birmingham County Referees Association. Kien spiċċa jikkontrolla partiti mill-Warwickshire Football Combination, filwaqt li attenda wkoll kors organizzat mill-FA Ingliża f’Bishop Abbey.

Fl-1961, Joe Cassar Naudi kien sar l-ewwel minn tliet Referees Maltin fil-lista tal-FIFA, kif ukoll għen fl-organizzazzjoni ta’ bosta seminars għal Referees ġodda. Miegħu kellu wkoll lil Paul Bonnett u Arthur Lentini. Fl-istaġun 1964-75, hu kkontrolla tliet partiti internazzjonali li wassluh biex ħa l-Badge tal-FIFA.

Minn hemm ikkontrolla numru kbir ta’ partiti importanti fl-Ewropa, fuq bażi ta’ klabbs u internazzjonali, kif ukoll kien imur jikkontrolla b’mod regolari l-Finali tat-Tazza Libjana u l-Finali tal-Kampjonat Libjan. F’Malta, Cassar Naudi kkontrolla fost l-oħrajn il-Finali tal-FA Trophy ħames darbiet u l-Finali tal-Cassar Cup tliet darbiet.

Joe Cassar Naudi kien jifforma parti mill-Bord tar-Referees tal-FA Ingliża, fost oħrajn meta ttieħdet id-deċiżjoni li l-lasta għandha tkun tonda kif nafuha llum u mhux aktar rettangolari.

Minbarra l-futbol, Cassar Naudi, li bħala professjoni kien Prinċipal tal-Welfare u Uffiċjal tal-Probation, kien ukoll President tal-Banda Melita Għaqda San Ġużepp fl-Imsida. Kien ukoll l-ewwel President tal-Malta Table Tennis Association u President tal-Malta Hotels & Restaurant’s Sports Association, filwaqt li għamel ukoll żmien fl-Eżekuttiv u membru fil-Kunsill tal-MFA.

Fl-1993, Cassar Naudi kien ingħata l-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika mill-President ta’ dakinhar Ċensu Tabone, kif ukoll mill-1994 serva għal xi snin bħala l-ewwel Sindku tal-Imsida, meta kien elett bħala Kandidat Indipendenti. F’Ġunju 2014, Joe Cassar Naudi kien ippremjat waqt is-serata tal-Awards tal-MFA, li saret fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali, bi premju speċjali l-“Outstanding Refereeing Services Award” għal 70 sena ddedikati lis-settur tal-futbol. Fl-2008, hu kien ippremjat ukoll mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Lawrence Gonzi waqt ir-“Replay Gala Night”, organizzata mill-programm Replay fuq NET Television

Joe Cassar Naudi ħalla jibku t-telfa tiegħu lil martu Felicity Gulia u lil uliedu Konrad, Wilhelmina u Christine. Hu se jingħata l-Aħħar Tislima l-Ħamis fis-2.30pm fil-Knisja Parrokjali tal-Imsida.